Niċċa storika mdawra bil-baħar; x’qed ikun propost għall-Kottonera?

Il-Gvern ħejja strateġija għar-riġenerazzjoni tal-Kottonera, iffukata l-aktar fuq il-komunitajiet li jgħixu fiha. X’qed jipproponi l-Gvern għall-erba’ lokalitajiet? Xi jridu r-residenti?

Il-baċir Numru 1 f'Bormla
Il-baċir Numru 1 f'Bormla

Il-Kottonera għadha żona ftit li xejn apprezzata. L-istigma marbuta ma’ din iż-żona għadha qawwija tant li wħud lanqas tgħaddilhom minn rashom li jersqu lejha. Madanakollu, mawra qasira sa Bormla, l-Isla, il-Birgu jew il-Kalkara, tgħinek tirrealizza li din hija żona mogħnija b’wirt storiku rikk u uniku biex ma nsemmux it-tradizzjonijiet sbieħ li jagħtu identità lill-komunitajiet li jgħixu fiha.

Wara li f’Marzu li għadda, il-Gvern ħabbar li għandha titfassal Strateġija għall-Kottonera, il-ġimgħa li għaddiet ippreżenta dokument għall-konsultazzjoni pubblika, bl-għan li din il-ġawhra fin-Nofsinhar tal-port tkun riġenerata.

Kemm il-Prim Ministru Joseph Muscat u anke l-Koordinatur Eżekuttiv tal-Kumitat għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera, Glenn Bedingfield, saħqu li l-istrateġija hija waħda ċċentrata fuq in-nies bl-għan li jitjieb il-livell tal-għixien tar-residenti tal-Kottonera, filwaqt li jissebbaħ l-ambjent u jkun attirat kummerċ ġdid lejn iż-żona.

L-istrateġija hija mibnija fuq tliet objettivi, jiġifieri: it-titjib tal-kapital soċjali, it-titjib tal-ambjent urban u żieda fl-attrazzjoni tan-Negozju.

Il-gazzetta ILLUM tat ħarsa lejn id-dokument li qed jippreżenta l-Gvern għall-konsultazzjoni pubblika li tagħlaq fis-16 ta’ Novembru:

Aktar opportunitajiet ta’ xogħol; trasport issussidjat u servizzi aħjar

L-istrateġija titkellem dwar il-bżonn li titwaqqaf ‘koperattiva’ bl-għan li tipprovdi l-istruttura organizattiva li hemm bżonn biex jinħolqu opportunitajiet ta’ xogħol fil-Kottonera.

Id-dokument jisħaq li jeħtieġ taħriġ strateġiku għall-impjegati semikwalifikati, bħalma huma l-carers, impjegati fit-turiżmu u nies li jaħdmu fis-sigurtà, liema taħriġ għandu jkun imfassal apposta biex jaqbel mal-impjiegi disponibbli fiż-żona

Ikompli li l-istess koperattiva għandha tieħu ħsieb issaħħaħ is-servizzi soċjali ta’ appoġġ. Dan hekk kif waqt li qed titħejja l-istrateġija kien innutat li ma hemm l-ebda faċilità ta’ Klabb 3-16 u anke hemm nuqqas “serju” ta’ faċilitajiet għall-kura tat-tfal viċin ċentri residenzjali.

“Dan jeħtieġ li jkun indirizzat u kkumplimentat minn trasport issussidjat lejn u minn postijiet tax-xogħol, identifikazzjoni ta’ postijiet għat-taħriġ fil-Kottonera u anke użu aħjar u sħiħ tal-faċilitajiet soċjali u komunitarji eżistenti.”

L-istrateġija tisħaq ukoll dwar il-bżonn ta’ aktar flessibbilità fis-servizzi sportivi u ta’ appoġġ. L-istrateġija tisħaq li dan ifisser li faċilitajiet bħaċ-‘child care centres’ u ċ-ċentri ta’ matul il-jum u matul il-lejl għall-anzjani, jinfetħu għal aktar sigħat, inkluż fil-btajjel pubbliċi.

Appoġġ soċjali aktar wiesa’ lill-istudenti…iżda mhux biss

L-istrateġija tinnota li hemm bżonn jitnaqqas l-assenteiżmu fl-iskejjel u għalhekk tipproponi li ssir evalwazzjoni kwalitattiva tal-fatturi li qed iwasslu biex student jaqbżu l-iskola u anke tipproponi l-miżuri li hemm bżonn.

Tisħaq dwar il-bżonn li l-istudenti li jieqfu mill-iskola kmieni, ikunu milħuqa aktar u jingħataw taħriġ vokazzjonali skont l-opportunitajiet tax-xogħol fiż-żona.

“Il-ħolqien ta’ pożizzjonijiet ta’ apprentistat ma’ entitajiet governattivi u kumpaniji privati għal żgħażagħ fi ħdan il-Kottonera u l-viċinanzi immedjati se jgħin fl-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri,” ikompli jgħid id-dokument.

Jgħid ukoll li jeħtieġ aktar korsijiet ta’ ħiliet tal-ħajja fir-rigward tat-tmexxija tad-dar, tqassim ta’ flus, imġiba u ħiliet bażiċi oħra u anke twaqqif ta’ ċentri tal-kura tat-tfal biex jgħinuhom fl-edukazzjoni tagħhom.

Imma x’inhu l-għan ta’ dawn il-miżuri? L-għan huwa li aktar studenti mill-Kottonera jersqu għall-edukazzjoni terzjarja. L-istrateġija tinsisti li anke l-istituzzjonijiet bħall-MCAST, l-ITS u l-Università joħorġu b’inizjattivi li jħajru aktar u jgħarrfu lill-istudenti mill-Kottonera b’korsijiet li jistgħu jieħdu.

Apparti l-istudenti, l-istrateġija tindirizza wkoll appoġġ soċjali għan-nies ta’ kull età. Fost oħrajn tisħaq dwar il-bżonn ta’ aktar:

  • għajnuna lill-anzjani li jgħixu fid-djar tagħhom b’mod indipendenti;
  • aktar aċċess għall-persuni bi bżonnijiet speċjali fil-faċilitajiet kollha; u
  • promozzjoni ta’ anzjanità aktar attiva.

Użu aħjar ta’ spazji vojta f’bini pubbliku

L-istrateġija titkellem ukoll dwar il-bżonn li jkunu użati spazji vojta f’bini pubbliku, fosthom spazji fl-iskejjel li mhux qed jintużaw.

Dawn jistgħu jintużaw biex jinħoloq aktar spazju għall-kura tat-tfal u anke faċilitajiet għall-anzjani.

Fost oħrajn, tirrakkomanda li spazju vojt fl-iskejjel primarji jista’ jintuża biex jipprovdi ċentri għall-anzjani, inkluż matul il-lejl.

Proprjetà bi prezzijiet raġonevoli u aktar inċentivi għax-xerrejja

Il-Gvern qiegħed jipproponi li l-iżvilupp ewlieni fil-Kottonera għandu jwassal għall-provvista ta’ akkomodazzjoni għall-but ta’ kulħadd madwar l-erba’ lokalitajiet.

L-istrateġija tipproponi wkoll:

  • inċentivi għall-użu ta’ djar abbandunati jew vojta
  • skemi għax-xerrejja li jixtru l-ewwel jew it-tieni darba biex jinvestu fi proprjetà fil-Kottonera
  • stħarriġ dwar min huma s-sidien tal-proprjetajiet u tal-art biex ikunu identifikati s-sidien ta’ djar vojta

L-istrateġija tesiġi wkoll titjib “urġenti” ta’ akkomodazzjonijiet inferjuri minħabba l-fatt li dan għandu effett negattiv dirett fuq il-komunità. Tisħaq li jista’ jkun hemm opportunitajiet għar-residenti biex jitgħallmu ħiliet biex ikunu involuti fil-manutenzjoni u t-titjib tad-djar tagħhom.

“It-tisħiħ tal-ambjent f’żoni ta’ akkomodazzjoni soċjali hija mħeġġa bħala mezz biex titrawwem il-parteċipazzjoni fil-komunità.”

Il-Kottonera sottoreġjun; apprezzament aħjar ta’ siti ta’ patrimonju

Il-Gvern irid li l-Kunsilli Lokali tal-erba’ lokalitajiet jingħataw is-setgħa li jkollhom irwol aktar proattiv fir-riġenerazzjoni tal-lokalità. Għalhekk l-istrateġija tipproponi li l-Kottonera titqies bħala sottoreġjun.

Użu mill-ġdid tal-Forti Ricasoli…

L-istrateġija tisħaq li siti bħalma huma l-Forti Ricasoli fil-Kalkara u siti oħra li ma għadhomx jintużaw fiż-żona tal-Waterfront, jistgħu jintużaw biex fihom jingħataw servizzi soċjoekonomiċi.

Tispjega kif restawr ta’ patrimonju bħall-Forti Ricasoli se joħloq opportunitajiet ġodda ta’ xogħol. Għalhekk l-istrateġija tipproponi wkoll li ‘użu inkompatibbli’ bħalma hija l-faċilità tat-tindif tat-tankijiet tal-vapuri, li ‘potenzjalment tista’ ddgħajjef ir-riabilitazzjoni tal-Forti” għandhom “jittaffew jew ikunu rilokati.”

Il-Forti Ricasoli
Il-Forti Ricasoli

Proġetti oħra jinkludu:

  • restawr u l-ftuħ tal-Cottonera Lines u s-Santa Margerita Lines; u
  • restawr tal-kappelli, imtieħen, statwi u niċeċ

Id-dokument jisħaq ħafna dwar l-importanza li l-manutenzjoni wara t-tlestija tar-restawr għandha wkoll tkun parti essenzjali minn kwalunkwe ftehim, bl-għan li jkun assigurat l-użu tagħhom fit-tul.

Iżda dan ma jfisser xejn jekk ma jkunx hemm inizjattivi biex il-komunità tkun involuta b’mod proattiv fil-parteċipazzjoni fir-restawr, l-użu mill-ġdid tas-siti u t-tgawdija tagħhom.

L-istrateġija titkellem dwar il-bżonn li l-użu u l-attivitajiet ġodda fi ħdan iċ-ċentri storiċi jaġixxu bħala spunt għar-riġenerazzjoni. Għal dan il-għan, il-Kunsilli Lokali qed jipproponu dawn il-proġetti:

  • Birgu
    • Ir-restawr tal-faċċata tal-Berġa ta’ Franza inkluż twaħħil ta’ lift
    • Ir-restawr tal-faċċata tal-Berġa Ingliża (hub għall-anzjani) inkluż it-twaħħil tal-lift
  • Isla
    • Ir-restawr tal-Bastjun u l-entratura ta’ San Mikiel
    • Ir-restawr tal-Arloġġ tat-Torri
    • Ir-restawr tal-‘arzella’ f’Villa Davies
  • Bormla
    • Ir-restawr tal-Mina ta’ Santa Liena

Il-Kottonera Lines
Il-Kottonera Lines

Spazji pubbliċi miftuħa

L-ispazji miftuħa jibqgħu essenzjali fil-ħajja ta’ kull komunità. L-istrateġija tindirizza wkoll il-bżonn li jinħolqu aktar spazji miftuħa u fil-Kottonera.

Apparti r-restawr u l-ftuħ tal-Cottonera Lines u s-Santa Margerita Lines, l-istrateġija titkellem dwar il-bżonn ta’ riabilitazzjoni taż-żoni bħat-Tarzna fil-Kalkara u anke siti ta’ ‘dumping’ ġewwa u barra l-Cottonera Lines, fost oħrajn.

Il-Kunsilli Lokali qed jirrakkomandaw:

  • Bormla
    • It-tisbiħ ta’ Pjazza Santa Margerita biex tinkludi żona ta’ rikreazzjoni, kjosk u ċentru kulturali
    • Riabilitazzjoni ta’ spazji miftuħa bejn is-swar
  • Birgu
    • Riabilitazzjoni ta’ spazji miftuħa bejn is-swar
    • Pavimentar mill-ġdid ta’ Pjazza Vittorja
    • Implimentazzjoni tal-proġett f’‘Tal-Glazziz’ fi Triq San Dwardu
  • Isla
    • Manutenzjoni ta’ spazji miftuħa fin-‘Niżla tal-Ponta’
    • It-tisbiħ tal-Pjazza 4 ta’ Settembru u Pjazza Dun Mauro Inguanez
    • Titjib fi Ġnien il-Gardjola
  • Kalkara
    • Pavimentar mill-ġdid u riorganizzazzjoni ta’ Misraħ l-Arċisqof Gonzi
    • Titjib tal-Promenade Waterfront u taż-żona tax-Xewkija
    • Identifikazzjoni ta’ spazji miftuħa ġodda

Titjib fl-infastruttura, inkluż tat-trasport u l-parkeġġ

L-istrateġija taħseb ukoll għall-infastruttura tat-trasport aħjar bil-għan li:

  • jkunu mħeġġa modi ta’ trasport aktar favur l-ambjent u li jaqdu aħjar lit-tfal tal-iskola u lill-anzjani,
  • ikun hemm ġestjoni aħjar tas-servizz bħall-ġbir tal-iskart u għall-kunsinna
  • Jiżdied l-aċċess mhux biss tat-trasport pubbliku imma anke dak marittimu billi l-iskedi jkunu mfassla aħjar skont il-bżonnijiet tar-residenti u jiżdiedu faċilitajiet ta’ ‘park and ride’

Ġew identifikat ukoll siti li jistgħu jkunu studjati biex ikun evalwat il-potenzjal tagħhom bħala parkeġġi għall-karozzi. Dawn jinkludu Triq il-Kunċizzjoni u l-inħawi ta’ Santa Margerita f’Bormla u anke fil-Fortini.

Titjib fit-toroq…

  • Ikun hemm dawl aħjar;
  • Isir pavimentar mill-ġdid ta’ żoni li għandhom ikunu pedonali;
  • Jiġu rranġati l-bankini;
  • Isir kisi mill-ġdid tat-toroq; u
  • Jitħallew biss wajers ta’ użu.

Aċċess pubbliku kontinwu mal-kosta kollha…

Id-dokument jitkellem dwar il-bżonn ta’ ġestjoni operattiva tal-ħwienet tal-ikel u l-attivitajiet tagħhom fuq il-Waterfront, iż-żamma ta’ żoni għar-rikreazzjoni informali u anke attivitajiet ta’ tbaħħir.

Jirrakomanda wkoll il-bini mill-ġdid ta’ Triq Sally Port, it-Toqba fil-Birgu saż-żona tax-Xewkija fil-Kalkara, inkluż ir-rikostruzzjoni tal-Klabb tar-Regatta u l-ħolqien ta’ ‘Sensory Garden.’

Jisħaq ukoll dwar il-bżonn ta’

  • aċċess pubbliku kontinwu mal-kosta mill-Kalkara sal-Isla;
  • Titjib tal-Faċilitajiet tal-Bajja tar-Rinella; u
  • Ġestjoni taż-żona tal-Wied tar-Rinella.

Aktar kummerċ: Mill-ispazji fuq is-swar sa Smart City

Opportunitajiet ta’ negozju jħallu effett dirett fuq il-komunità kollha tal-Kottonera. Għal dan il-għan, l-istrateġija toħroġ b’għadd ta’ proposti.

Issemmi siti ewlenin matul il-kosta, li kienu ddentifikati mill-‘Cottonera Waterfront Development Brief’ u li għadhom mhux żviluppati. Ħafna minn dawn huma siti kbar u ta’ valur storiku u li għandhom bżonn manutenzjoni immedjata, Għalhekk qed tisħaq dwar il-bżonn li tittieħed azzjoni dwar l-ostakli li qed iżommuhom milli jkunu riabilitati.

Tisħaq ukoll dwar il-bżonn ta’ eżerċizzju li jirriklama l-Kottonera bħala destinazzjoni b’wirt kulturali mżewwaq, bi tradizzjonijiet lokali, festi u avvenimenti oħra.

Promozzjoni ta’ snajja’ u arti lokali…

Spazji fis-swar tal-Kottonera Lines u postijiet storiċi oħra jistgħu jintużaw biex jinħolqu opportunitajiet ta’ impjiegi fil-Kottonera, li fost oħrajn ikunu jinkludu attivitajiet bħal snajja’ tradizzjonali marbuta direttament mal-Kottonera u li jistgħu jkunu ppratikkati min-nies tal-lokal.

Smart City tista’ tilgħab irwol ċentrali…

Id-dokument isemmi wkoll siti bil-potenzjal li jattiraw investiment fuq skala kbira u fost dawn isemmi lil Smart City, li jidentifikaha bħala “ċentru ta’ kummerċ fi ħdan il-Kottonera li għandha l-potenzjal li tassumi rwol ċentrali ekonomiku,” u anke bħala “opportunità fil-Kottonera.”

Jisħaq li uffiċini ta’ livell għoli fiż-żona u investimenti oħra, jistgħu jwasslu biex;

  • jiġu attirati familji żgħażagħ lejn iż-żona;
  • jinħolqu opportunitajiet ta’ xogħol fil-viċin ta’ żoni residenzjali; u
  • titjieb l-infrastruttura strateġika u l-aċċessibbilità taż-żona.

Kif se tkun implimentata l-istrateġija? X’se jsir l-ewwel?

Id-dokument qiegħed jirrakomanda li titwaqqaf ‘Fondazzjoni Kottonera,’ bl-għan prinċipali tagħha jkun li tippjana, torganizza u tmexxi l-fażijiet kollha tal-istrateġija.

Fondazzjoni Kottonera għandha tissorvelja l-implimentazzjoni f’qasir żmien ta’ dawn il-proġetti:

  • Birgu: Ir-rikostruzzjoni ta’ Triq Sally Port (It-Toqba tal-Birgu), l-iżvilupp tas-‘Sensory Garden,’ u l-implimentazzjoni ta’ miżuri li jirrispettaw iż-żoni pedonali
  • Bormla: L-iżvilupp ta’ Santa Margerita f’Bormla biex tinkorpora ġonna, żona ta’ logħob, kjosk u ċentru kulturali
  • Isla: Ir-restawr tas-Sur ta’ San Mikiel, inkluż it-Torri tal-Arloġġ, it-titjib tal-Pjazzetta Ġorġ Mitrovich u xogħol ieħor fi Ġnien Gardjola u l-Isla Waterfront
  • Kalkara: Titjib tal-promenade Kalkara Waterfront minn Triq Marina għax-Xewkija, inkluż Misraħ l-Arċisqof Gonzi.

Fatti interessanti li fuqhom kienet imfassla l-istrateġija

  • Popolazzjoni
    • Fl-erba’ lokalitajiet jgħixu 13,400 persuna
    • 3% biss huma barranin
    • Il-maġġoranza għandhom bejn l-40 u s-60 sena
  • Faqar
    • 24.2% tal-familji fil-Kottonera huma mċaħħda materjalment
    • 12.1% huma severament imċaħħda materjalment
    • Iżda kien hemm tnaqqis sinifikanti fuq dawk li jiddependu mill-benefiċċji
  • Xogħol
    • 40% tal-popolazzjoni hija impjegata
    • 60% hija inattiva (tinkludi wkoll lill-pensjonanti)
    • L-aktar li għandhom dħul baxx
  • Edukazzjoni
    • 68,787 student fl-istituzzjonijiet post-sekondarja u terzjarji; 1,060 biss huma mill-Kottonera
    • 20% tal-istudenti f’korsijiet vokazzjonali huma mill-Kottonera
    • Ir-rata tal-litteriżmu fil-Kottonera hija ta’ 89% (xorta taħt ir-rata medja nazzjonali)
  • Bini
    • F’Bormla biss hemm 645 proprjetà mhux abitata
    • In-numru ta’ familji li huma sidien ta’ darhom huwa baxx
    • F’Bormla biss 1,334 familja jikru r-residenza li fiha jgħixu

Xi jridu r-residenti?

Minn stħarriġ li sar fost 557 resident tal-Kottonera, irriżulta li r-residenti jridu aktar: ċentri ta’ billejl, ċentru ta’ kura ta’ kuljum, ċentri tas-saħħa u djar tal-anzjani. Il-biċċa l-kbira ta’ dawk li wieġbu saħqu li jkollhom imorru f’lokalitajiet oħra għal dawn is-servizzi

Ir-residenti kienu l-aktar kritiċi dwar il-faċilitajiet ta’ parkeġġ u jixtiequ li jkollhom aktar spazji miftuħa, faċilitajiet sportivi u ‘playing fields.’

More in Politika