Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija Kummerċjali

Delia jitlob li Cutajar jitneħħa mill-kariga u li jitpoġġa taħt investigazzjoni

 L-Oppożizzjoni qed titlob lill-Gvern biex iwaqqaf kummissjoni speċjali, awtonoma u indipendenti dwar dan il-qtil li tkun tgawdi fiduċja wiesgħa fil-pajjiż. 

Albert Gauci Cunningham / 11 t'Ottubru 2018 10:53
Delia jrid lill-Kummissarju barra u investigat
"Fid-dawl tal-aħħar żviluppi dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, hu ċar li l-Gvern ma wettaqx dmiru sewwa la qabel il-qtil biex jipprevenih u lanqas wara biex jinvestigah sewwa u jsib min qabbad dan il-qtil." Dan sostnieh il-kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia li fakkar illi hemm kundanna tal-Qorti Kostituzzjonali għall-mod kif tmexxiet l-investigazzjoni dwar dan il-qtil bl-involviment tar-raġel ta' Ministru. Qal illi kien hemm ammissjoni mill-Ministru Chris Cardona li "għandu qrubija ma' wieħed mill-akkużati bil-qtil u li kien f'bachelor's party miegħu u r-rivelazzjonijiet fil-media Taljana li Chris Cardona rċieva telefonata mingħand l-istess persuna li eżatt wara ċemplet lil wieħed mill-akkużati bil-qtil."

Fid-dawl ta' dawn l-iżviluppi, l-Oppożizzjoni qed titlob lill-Gvern biex iwaqqaf kummissjoni speċjali, awtonoma u indipendenti dwar dan il-qtil li tkun tgawdi fiduċja wiesgħa fil-pajjiż.

Delia sostna li din il-kummissjoni speċjali għandha:
  • tidentifika n-nuqqasijiet li seħħew fil-protezzjoni li l-Gvern kellu jagħti lill-ġurnalista maqtula u baqa' ma tahiex;
  • tistħarreġ x'kienu jafu l-awtoritajiet dwar movimenti li kienu qed iseħħu u li setgħu jindikaw theddida għall-ħajja ta' Daphne Caruana Galizia; u
  • tinvestiga jekk l-awtoritajiet naqsux milli jaġixxu tempestivament fid-dawl ta' dak li kienu jafu biex jipproteġu ħajjet il-ġurnalista qabel inqatlet.


"Apparti l-protezzjoni li messha ngħatat lill-ġurnalista qabel inqatlet, sena mill-qtil tagħha għad mhux identifikat il-mandant li qabbad li tinqatel. Din hi ħaġa gravi u ta' import politiku kbir f'dan il-każ," sostna l-Kap tal-PN. 

Għalhekk l-Oppożizzjoni qed titlob lill-Gvern: "Jgħid ċar x'għamel u x'għadu qed jagħmel il-Korp tal-Pulizija biex isib il-mandant li qabbad dan il-qtil; Ineħħi lill-Kummissarju tal-Pulizija preżenti li ġie kundannat mill-Qorti għal investigazzjoni mdardra bl-involviment tar-raġel ta' Ministru u li evidentement għandu jkun taħt investigazzjoni tal-kummissjoni speċjali; u Jaħtar Kummissarju tal-Pulizija serju li, anke jekk tard, jibda jidderieġi b'indipendenza t-tiftix u l-qbid tal-mandant li qabbad dan il-qtil."

Albert Gauci Cunningham, 32 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook