Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

Casa u Gomes jappellaw lill-Kummissjoni Ewropea biex tappoġġja lill-familja ta' Daphne

Casa u Gomes jgħidu illi l-mewt ta' Daphne ippermettiet li Cardona jwaqqa' l-libelli dwar Acapulco "u l-evidenza baqgħet moħbija"

Albert Gauci Cunningham / 10 t'Ottubru 2018 16:39
Ana Gomes u David Casa, maġenbha
David Casa u Ana Gomes huma fost l-MEPs li qed jitolbu lill-Kummissjoni Ewropea "tissorvelja l-investigazzjoni li għaddejja, kif ukoll tappoġġja t-talba tal-familja Caruana Galizia għal inkjesta pubblika indipendenti."

L-MEPs iddikjaraw: "Il-politiċi esposti mir-rappurtaġġ ta' Daphne Caruana Galizia li kienu nvoluti fil-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus għadhom f’kariga pubblika. Keith Schembri, iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru u Konrad Mizzi, il-Ministru tat-Turiżmu, kienu esposti mill-Panama Papers bħala l-UBOs ta' kumpaniji offshore li fihom ippjanaw li jdaħħlu fondi eżorbitanti li ma setgħux jiġu spjegati b'mod leġittimu. L-MEPs irreferew ukoll għad-dewmien fit-teħid ta' azzjoni fuq il-Bank Pilatus kif ukoll il-fatt li Nexia BT tkompli topera mingħajr konsegwenza, li t-tnejn dehru b'mod estensiv fir-rappurtaġġ ta' Daphne Caruana Galizia." 

Casa u Gomes flimkien mal-MEPs l-oħrajn sostnew illi l-mewt ta' Cafruana Galizia, "ppermettiet lil Cardona li jwaqqaf il-proċeduri tal-libell u b'hekk evidenza konklużiva li setgħet ikkonfermat l-allegazzjonijiet tal-burdell minn Daphne Caruana Galizia baqgħet moħbija."

L-ittra kienet ko-firmata mill-MEP David Casa, MEP Ana Gomes (S&D), MEP Monica Macovei (ECR), MEP Maite Pagazaurtundúa (ALDE) u MEP Stelios Kouloglou (GUE/NGL).

Intant fi stqarrija b'reazzjoni għall-kummenti ta' Casa, il-Partit Laburista qal li, "David Casa huwa l-aħħar persuna li għandu jitkellem fuq il-fatti." Filwaqt li iddiskrivew il-kummenti tiegħu bħala, "surreali u konferma ċara li nieqes minn kull forma ta' kredibbiltà."

Il-PL kompla jgħid kif skontu, "għal xhur twal flimkien mal-kollegi tiegħu tal-Partit Nazzjonalista, Casa kien parti minn kampanja politika ibbażata fuq dokumenti falsifikati. Skont Il-PL "din ġiet ikkonfermata bħala gidba minn inkjesta indipendenti. Però Casa jippreferi jinjora l-eżitu ta' inkjesti indipendenti meta ir-riżultat ma' jdoqqx għal-widnejh, irrimarka il-PL.

 

 

Albert Gauci Cunningham, 32 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook