Il-Knisja tagħti proprjetà tagħha biex issir bank tal-ikel għall-foqra

Il-proprjetà tinsab fil-Ħamrun maġenb il-knisja tal-Kunċizzjoni u kienet tintuża minn Dar Fra Diegu bħala maħżen tal-ikel. 

L-Arċidjoċesi ta’ Malta u l-Malta Food Bank Foundation iffirmaw ftehim uffiċjali għat-twaqqif tal-ewwel bank tal-ikel tax-xorta tiegħu f’Malta. Dan is-servizz li ser jitmexxa mill-Malta Food Bank Foundation (MFBF) huwa intenzjonat li jiġbor ikel żejjed sabiex jitqassam lill-għaqdiet mhux governattivi li jgħinu lill-persuni foqra u dawk f’riskju ta’ faqar. 

 Il-proprjetà tal-Knisja li ngħatat lill-MFBF għal żmien definit tinsab fil-Ħamrun maġenb il-knisja tal-Kunċizzjoni u kienet tintuża minn Dar Fra Diegu bħala maħżen tal-ikel.

L-Arċidjoċesi kkommettiet ruħha wkoll li tagħmel ix-xogħlijiet strutturali meħtieġa biex tgħin fit-twettiq ta’ dan il-proġett. Wara li jitlestew ix-xogħlijiet li bdew din il-ġimgħa, l-MFBF ser tipprovdi t-tagħmir neċessarju, li jinkludi l-ixkaffar u l-makkinarju, kif ukoll ir-riżorsi umani biex din l-inizjattiva titmexxa fuq bażi volontarja. 

Il-Malta Food Bank Foundation, li hija affiljata mal-Federazzjoni Ewropea tal-Food Banks sa mill-2011, ser isservi ta’ pont bejn il-kumpaniji tal-ikel li lesti joffru provvisti żejda tal-ikel u l-NGOs li jgħinu lil dawk imċaħħda mid-dritt fundamentali tal-ikel. Din il-ħidma hija essenzjali sabiex titjieb is-sostenibbiltà tal-ikel u tipprevjeni l-ħela ta’ ikel.  Din hija l-missjoni tat-388 bank tal-ikel tal-Federazzjoni li huma impenjati jitimgħu lil dawk fil-bżonn. FEBA tipprovdi aktar minn 4 miljun ikla kuljum lil 8 miljun persuna fl-Ewropa permezz ta’ 44,700 għaqda ta’ karità f’28 pajjiż fl-Ewropa.  
Waqt laqgħa li saret illum, is-Sibt, 6 ta’ Ottubru 2018, fil-Kurja tal-Arċisqof, il-Furjana, l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi li ppresieda dan il-ftehim qal li dan huwa proġett ieħor li permezz tiegħu l-Knisja f’Malta qed twieġeb b’mod tanġibbli għar-realtà tal-faqar f’pajjiżna. Wera l-apprezzament tiegħu għal din l-inizjattiva tal-Malta Food Bank Foundation b’risq is-soċjetà.  
 

More in Politika