'Malta tissodisfa l-maġġoranza tal-kriterji fuq it-transparenza tal-finanzi pubbliċi'

Qal dan il-Ministru għall-Finanzi waqt li ppreżenta rapport tal-Fond Monetarju Internazzjonali 

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal li l-Fond Monetarju Internazzjonali kkonkluda li Malta tissodisfa l-maġġoranza tal-kriterji fuq it-transparenza tal-finanzi pubbliċi.

Huwa qal dan waqt konferenza li matulha fakkar li kien talab lill-Fond Monetarju Internazzjonali biex twettaq evalwazzjoni intensiva fuq it-trasparenza tal-finanzi pubbliċi f’Malta.

Insista, li r-rapport ippreżenta riżultati ferm pożittivi għal Malta.

“L-IMF stqarru li Malta tikkumpara sew ma’ pajjiżi Ewropej avvanzati li għamlu din l-evalwazzjoni hekk kif kisbet riżultati simili bħal fost oħrajn ir-Renju Unit u l-Irlanda,” saħaq il-Ministru.

Qal li l-IMF irrikonoxxiet li Malta implimentat diversi prattiċi pożittivi fejn tidħol it-trasparenza fiskali, partikolarment fejn jidħlu rapporti fuq il-finanzi pubbliċi.

Kompla jispjega kif sabet ukoll li r-rapporti fiskali huma dettaljati tant li jinkludu informazzjoni fiskali fuq kull entita tal-gvern estiż u huma pubblikati fil-ħin stipulat u b’mod frekwenti. 

“L-IMF innutat b’mod pożittiv li l-objettivi u l-miri fiskali tal-gvern huma mniżżla fil-leġiżlazzjoni . Barra minn hekk, hija faħħret il-mod ta’ kif dawn jiġu skrutinizzati minn istituzzjoni indipendenti. L-IMF innutat ukoll li l-gvern jevalwa u jirrapporta b’mod dettaljat ir-riskji makro-ekonomiċi fuq il-finanzi pubbliċi kif ukoll ir-riskji fuq id-dejn pubbliku,” kompla jgħid il-Ministru.

Intant, il-Fond ippreżentat ukoll numru ta’ rakkomandazzjonijiet sabiex il-gvern ikompli jtejjeb it-trasparenza fiskali, bil-Ministru jisħaq li l-Gvern kommess jimplimentahom.

More in Politika