L-Aquarius jitlob l-għajnuna tat-Tuneżija, Malta u l-Italja biex iniżżel 11-il immigrant

L-ekwipaġġ irrifjuta li jgħaddi lil dawn l-immigranti lill-Gwardji tal-Kosta Libjani

L-ekwipaġġ abbord il-bastiment MV Aquarius irrifjuta li jagħti 11-il immigrant li salva lill-Gwardji tal-Kosta Libjani, waqt li saħaq li l-Libja mhux port sigur.

Il-bastiment talab li l-immigranti jitniżżlu t-Tuneżija, Malta jew l-Italja.

Skont l-NGO, Médecins Sans Frontières, id-dgħajsa bl-immigranti kienet wisq żgħira u bdiet timtela’ bl-ilma waqt li kienet fl-ibħra internazzjonali

Skont l-NGO, sa issa kienu l-awtoritajiet Taljni biss li wieġbu u qalu li se jinfurmaw lill-awtoritajiet Libjani.

Dan huwa l-istess bastiment li wassal għal kwistjoni taħraq bejn Malta u l-Italja f’Ġunju li għadda u kienet Spanja li daħlet fin-nofs u aċċettat li tieħu s-629 immigrant li kien hemm abbord.

F’Awwissu li għadda, Malta aċċettat dan il-bastiment li kellu fuqu 141 immigrant, liema immigranti kienu trasferiti kollha f’pajjiżi oħra membri tal-Unjoni Ewropea.

More in Politika