Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija Kummerċjali

'Tonna u Cini jridu li titneħħa evidenza minn fuq il-blog ta' Daphne'

Il-familja ta' Caruana Galizia tisħaq li Brian Tonna u Karl Cini għamlu din it-talba quddiem il-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data

Yendrick Cioffi / 19 ta' Settembru 2018 15:20
Il-familja ta’ Daphne Caruana Galizia qed tisħaq li Brian Tonna u Karl Cini ta’ Nexia BT ressqu ilment quddiem il-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data biex titneħħa dik li l-familja qed issejjaħ bħala ‘evidenza ppubblikati f’inkjesta,’ referenza għall-passaporti tagħhom, li kienu ppubblikati fuq il-blog tal-ġurnalista maqtula.

F’imejl mibgħuta lill-midja, Corinne Vella, oħt Daphne Caruana Galizia qalet li l-informazzjoni li Tonna u Cini qed jitolbu li titneħħa kienet ippubblikata fl-10 ta’ Mejju tal-2017 u l-istess persuni qed jisħqu li din għandha titneħħa abbażi ta’ liġi li daħlet fis-seħħ f’Mejju li għadda.

Il-gazzetta ILLUM għamlet kuntatt ma’ Nexia BT biex tikkonferma l-aħbar iżda kelliema għall-kumpanija qalet li la Tonna u lanqas Cini ma huma ‘disponibbli.’

Fil-blog inkwistjoni, Daphne Caruana Galizia kienet iddeskriviet lil Tonna u lil Cini bħala “accountants korrotti tal-klikka f’Kastilja" u li fetħu kumpaniji fil-Panama u fil-British Virgin Islands biex jipproċessaw tixħim mill-bejgħ tal-passaporti.

Hija kienet ippubblikat ritratti tal-passaporti ta’ Brian Tonna u Karl Cini.

Oħt Daphne Caruana Galizia fakkret li l-Maġistrat li qed imexxi l-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia kien ordna li ma għandha titneħħa l-ebda informazzjoni minn fuq is-sit daphnecaruanagalizia.com.

“Kemm Tonna u anke Cini huma persuni ta’ interess fl-investigazzjoni. Jekk titneħħa informazzjoni, dan ikun qed imur kontra ordni tal-Qorti,’ kompliet tinsisti.

Insistiet li dwar dan il-kontenut, Tonna u Cini setgħu fetħu libel sa 12-il xahar minn meta kienet ippubblikata ‘l-evidenza’ iżda baqgħu ma għamlux dan.

Mal-istess imejl, Corinne Vella bagħtet dokument mibgħut minn Peter Caruana Galizia bħala tweġiba lill-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data għall-ilment li ressqu Tonna u Cini.

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook