Sant jappella lill-UE biex tappoġġja l-elezzjonijiet fil-Libja

Fil-Parlament Ewropew, Sant saħaq li l-UE għandha żżomm djalogu mal-organizzazzjonijiet mhux terroristiċi kollha fil-Libja

Il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew, Alfred Sant, qal li l-Unjoni Ewropea għandha żżomm djalogu mal-organizzazzjonijiet mhux terroristiċi kollha tal-Libja u tappoġġja elezzjonijiet bil-għan li jkun iffurmat Gvern li  jreġġa’ lura l-istabilità, il-paċi u l-prosperità fil-Libja.

Dr Sant qal dan waqt intervent dwar is-sitwazzjoni ta’ emerġenza tal-Libja fil-preżenza tal-Viċi-President tal-Kummissjoni u r-Rappreżentanta Għolja tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà Federica Mogherini, fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu.

“L-elezzjonijiet li ġejjin għandhom ikunu pass kruċjali li jindirizzaw din is-sitwazzjoni. Għalhekk huwa importanti li jkun żgurat, mhux li jsiru elezzjonijiet malajr kemm jista’ jkun, iżda li jsiru b’mod trasparenti u bl-ikbar qbil possibbli fi ħdan il-Libja għar-rilevanza tagħhom stess,” saħaq Sant. “Kif jixhdu l-aħħar ġrajjiet fi Tripli, għad hemm problemi kbar ta’ sigurtà li għad iridu jingħelbu. Jekk dan ma jsirx, l-elezzjonijiet se jkunu imminati.”

Dr Sant qal li l-interessi tal-Libja u ta’ niesha, u dawk tal-UE mhux talli jaqblu iżda huma identiċi. “Il-pajjiż għandu bżonn Gvern b’saħħtu u stabbli li jżomm għaqda nazzjonali fi ħdan il-fruntieri tal-Libja u fl-istess ħin iqis l-aspettattivi tal-forzi differenti li jeżistu fil-pajjiż. Dan jista’ jseħħ billi kemm jista’ jkun jipparteċipaw fit-tmexxija tal-pajjiż,” temm jgħid Sant.

More in Politika