Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

'Kellu jistenna qabel jitlob is-sospensjoni ta’ Simon'

Bernard Grech dwar l-ewwel sena ta' Adrian Delia bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista

Yendrick Cioffi / 19 ta' Settembru 2018 09:18
Sena wara li Adrian Delia sar Kap tal-Partit Nazzjonalista, il-gazzetta ILLUM titkellem ma' Bernard Grech, wieħed mill-uċuh tal-Forza Nazzjonali mmexxija minn Simon Busutti.

X'jaħseb Bernard Grech dwar l-ewwel sena ta' Delia?

1. Bħal-lum sena, Adrian Delia sar Kap tal-Partit Nazzjonalista, x’bidla taħseb li ġab għall-Partit Nazzjonalista?

Kull tmexxija ġdida ġġib bidla, ideat ġodda, stil ġdid, entużjażmu ġdid u attitudni ġdida. Naħseb li Adrian Delia rnexxielu jibda jqarreb il-partit aktar lejn in-nies. Qiegħed jieħu l-partit għand in-nies, fid-djar, fit-toroq, fil-pjazez u fuq il-post tax-xogħol. Dan biżżejjed? Naħseb li qatt ma huwa lest jew biżżejjed, ix-xogħol tal-politiku ma jorqodx, ma jlestix, ma jasalx, m’għandux destinazzjoni. Għalhekk Adrian Delia għandu, u naħseb li ser jibqa’, juża l-enerġija kollha tiegħu biex ikompli jagħmel lill-Partit Nazzjonalista aktar relevanti fil-ħajja tan-nies.

2. Id-distakk ta’ bejn Adrian Delia u Chris Said kien biżżejjed biex Delia jgħid b’wiċċu minn quddiem li għandu l-appoġġ tat-tesserat Nazzjonalisti?

Elezzjoni tintrebaħ bin-numri. Min iġib maggoranza ta' vot wieħed jew aktar, jikkmanda legalment ir-riżultat ta' dik l-elezzjoni. L-għada mbagħad, ir-rebbieħ, irid jibqa’ dejjem jakkwista l-fiduċja ta' kulħadd inkluż ta' dawk li vvutawlu.

3. Taħseb li bid-deċiżjonijiet u l-pożizzjonijiet tiegħu, Delia qed joffri Gvern alternattiv? Xi jġiegħlek taħseb hekk?

Adrian Delia qiegħed u għandu kontinwament janalizza l-ħtiġijiet tal-pajjiż u tal-poplu. L-ebda Gvern ma huwa perfett. Kull Gvern jagħmel il-ġid, iżda jkollu nuqqasijiet li bihom ibatu n-nies. Adrian Delia qiegħed josserva u jindirizza l-oqsma li fihom jista' jagħmel id-differenza għaliex kull Oppożizzjoni trid tkun lesta titla’ fil-Gvern biex tibda tindirizzahom.

4. Imma meta tħares lura, taħseb li l-PN kien aktar b’saħħtu taħt Simon Busuttil milli issa?

In-numru juri li bħalissa l-Partit Nazzjonalista qiegħed agħar minn sena ilu. Madanakollu s-saħħa tal-Partit fi trasformazzjoni ma titkejjilx biss bin-numri u jekk titkejjel bin-numri, dan irid isir wara li Adrian Delia jirnexxilu jimplimenta l-viżjoni u l-intenzjonijiet kollha tiegħu u mhux issa li għadu "works in progress".

5. Temmen li Adrian Delia għadu qed iġorr fuqu l-allegazzjonijiet li għamlet dwaru Daphne Caruana Galizia? X’għandu jagħmel?

Inħoss li d-dell tal-allegazzjonijiet li għamlet fuqu Daphne Caruana Galizia għadhom jaffetwaw l-opinjoni ta' xi nies dwar Adrian Delia. Huwa jrid jikkonvinċi bl-għemil u bir-riżultati biex jagħti aktar kredibilità lilu nnifsu. Ir-responsabbilità dejjem qiegħda fuq il-politiku.

6. Għal diversi Nazzjonalisti, iżda mhux biss, Delia mhux kredibbli meta jitkellem dwar il-korruzzjoni? Taħseb li Delia huwa tolleranti għall-korruzzjoni?

Naħseb li kemm ilu Kap tal-PN Adrian Delia għad ma kellux mument ta' prova fuq korruzzjoni, allura mhux korrett u ġust, li jkun hemm dan il-ħsieb dwaru. Barra minn hekk il-PN taħt it-tmexxija tiegħu baqa’ jsostni l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u baqa’ jirnexxilu juri li l-Prim Ministru m’għandux awtorità morali fil-qasam tal-korruzzjoni u l-istituzzjonijiet tal-pajjiż għadhom maħkumin minn elementi fl-eżektuttiv.

7. Kif tiġġudika l-kummenti ta’ Adrian Delia dwar l-immigrazzjoni u l-barranin? Għandu raġun jew qed ikun populist?

Naħseb li l-kummenti ta' Adrian Delia dwar l-immigrazzjoni ġew irrapportati b'mod redatt u interpretati ħazin. Adrian Delia qiegħed jgħid u għandu raġun, li l-Gvern m’għandux pjan dwar l-effetti negattivi li immigrazzjoni ta' eluf kbar ta' barranin f'salt wieħed jista’ jkollha fuq il-pajjiż u l-poplu.

8. X’kienet l-aqwa deċiżjoni li ħa Adrian Delia f’din is-sena?

Naħseb li l-aqwa deċiżjoni s'issa kienet li jiftaħ kawża kontra l-Avukat Ġenerali sabiex jistabbilixxi bilanċ demokratiku bl-għan li kemm jista’ jkun il-PN ikollu l-istess għodda ta' informazzjoni dwar l-Inkjesta Egrant daqs il-Gvern u daqs il-Partit Laburista.

9. X’kienet l-agħar deċiżjoni li ħa Adrian Delia f’din is-sena?

Għalkemm nifhem li l-pożizzjoni ta' Simon Busuttil ma baqgħetx l-istess bil-konklużjonijiet pubbliċi tal-Inkjesta Egrant, inħoss li qabel ifformola deċiżjoni kellu jkollu f'idejh l-inkjesta kollha.

10. Ir-reazzjoni ta’ Adrian Delia għall-konklużjonijiet tal-inkjesta Egrant kienet f’waqtha jew waħda mgħaġġla? Kellu jsejjaħ għar-riżenja ta’ Busuttil? Għamel sew meta bidel il-fehma tiegħu?

Ara t-tweġiba preċedenti.

11. Jekk il-Partit Nazzjonalista ma jnaqqasx jew saħansitra jżid id-distakk fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, Adrian Delia għandu jirriżenja?

Inħoss li din hija domanda prematura. Hemm ħafna ċirkustanzi li jridu jiġu kkunsidrati flimkien mal-kalkoli matematiċi. Madanakollu, żgur li l-ebda politiku ma għandu jibqa’ mażra ma' għonq partit.

12. Temmen li Delia kapaċi jnaqqas id-distakk bejn il-partiti fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew?

Hemm ħafna fatturi li jistgħu jaffettwaw l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Din hija l-ewwel elezzjoni li fiha ser jivvutaw dawk li se jkollhom 16 u 17-il sena. Għaldaqstant peress li se jkun hemm influss kbir u straordinarju ta' votanti, anke jekk il-PN itejjeb fil-persentaġġ jaf xorta jikber id-distakk, peress li l-voti l-ġodda jinqasmu xorta skont il-proporzjon. Għalhekk ir-riżultat finali jaf xorta jkun jidher negattiv.

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook