Malta: Pajjiż tal-midja soċjali, karozzi u rata għolja ta’ immigranti

Rapport tal-Eurostat juri lil Malta fil-quċċata fl-użu ta’ Facebook, Twitter u Instagram, fost l-aktar pajjiżi b’karozzi fit-toroq u b’waħda mill-ogħla rati ta’ immigranti fl-Ewropa...

It-traffiku huwa wieħed mill-akbar uġigħ ta’ ras għal bosta f’dan il-pajjiż, mhux biss dawk li jsuqu karozza imma wkoll il-passiġġieri tat-trasport pubbliku jew inkella kull trasport li kapaċi jwassal disgħa min-nies jew aktar, minn post għall-ieħor.

U issa dan nistgħu nikkonfermawh minn statistika miġbura mill-Eurostat li turi kif Malta għandha fost l-ogħla rata ta’ karozzi mir-reġjuni kollha tal-UE (Malta kienet meqjusa bħala reġjun għall-fini ta’ dan l-istudju) u l-ogħla rata ta’ vetturi pubbliċi tal-passiġġieri fl-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tal-madwar kollha.

L-istudju ‘Eurostat Regional Yearbook’ ippubblikat din il-ġimgħa juri kif Malta għandha l-ogħla rata ta’ vetturi li jkopru tal-linja, coaches u ‘mini-buses’ fit-toroq tagħha għal kull 1,000 persuna li tgħix pajjiżna. Fil-fatt Malta għandha iktar minn tliet vetturi ta’ dan it-tip għal kull 1,000 resident.

Li jagħmel lil Malta unika sa ċertu punt, huwa li ġeneralment ir-rata ta’ dawn it-tip ta’ vetturi li jġorru passiġġieri huma ogħla f’postijet fejn l-użu tal-karozzi huwa baxx. Madanakollu f’pajjiżna r-rata tal-użu tal-karozzi xorta hija għolja. U allura mhux ta’ b’xejn qed neħlu iktar fit-traffiku.

It-Turkija, pereżempju, għandha rata għolja ta’ xarabanks u vetturi simili (għalkemm xorta inqas minn Malta), imma mbagħad għandha rata baxxa ħafna ta’ karozzi, inqas minn 350 għal kull 1,000 abitant. F’Malta, min-naħa l-oħra, sal-2017, kellna 615-il karozza għal kull 1,000 abitant, bil-gżejjer Baleriċi (Ibiża, Majorca u Minorka) u Ċipru b’595 karozza u Korsika b’558 karozza kull 1,000 abitant jikklassifikaw taħtna.  Kemm Korsika u anke l-gżejjer Baleriċi jirreġistraw rata iktar baxxa ta’ vetturi tal-passiġġieri minn Malta.

Ir-rapport jgħid li ħafna drabi r-rata għolja ta’ karozzi u tispeċifika r-rata għolja ta’ vetturi tal-passiġġieri f’Malta hija frott nuqqas ta’ infrastruttura ta’ ferrovija jew trasport fil-forma ta’ over/underground.

Fost l-aktar li nużaw il-midja soċjali...

Imma mhuwiex fil-vetturi biss li pajjiżna jikklasifika mal-pajjiżi fil-quċċata.

Fil-fatt dan l-situdju juri wkoll kif il-Maltin u l-Għawdxin huma fost l-aktar li jużaw il-midja soċjali.

Fost it-28 pajjiż tal-Unjoni Ewropea, bħala medja, 54% tal-popolazzjoni adulta tieħu sehem f’kuntatt permezz ta’ Instagram, Facebook jew Twitter. Fl-2017 iżda kien hemm 28 reġjun illi fih l-użu tal-midja sojali qabeż is-70%, bil-biċċa l-kbira tagħhom jkunu fil-Belġju u l-istati Nordiċi, b’Malta u r-reġjun tal-kapitali tal-Olanda jkunu l-uniċi eċċezzjonijiet.

Dan ifisser illi fiż-żona tal-Mediterran, huma l-Maltin l-aktar li għamlu użu tal-midja soċjali s-sena l-oħra.

Minkejja dan iżda,  pajjiżna ma jibqax fil-quċċata fejn jidħol l-użu tal-internet għas-servizzi bankarji. Għalkemm dan is-servizz kiber ftit mhux ħażin, dan l-istudju juri li hemm ħafna nies li jħossuhom komdi jikkomunikaw, iżda mhix daqstant komdi jagħmlu tranżazzjonijiet, onlajn.

Fost l-ogħla rata ta’ immgranti fil-pajjiż...

U ladarba semmejna t-traffiku, ma nistgħux ma nsemmux l-immgrazzjoni, suġġett ieħor li qed ikun diskuss bil-qawwa fil-pajjiż. Huma ħafna dawk li jinsistu illi pajjiżna qed isir wisq iffullat b’wisq barranin ġejjin pajjiżna.

Anke jekk l-effett ekonomiku ta’ dawn il-ħaddiema barranin għandu jitqies bħala pożittiv, l-idea ta’ ffullar hija riflessa fin-numri u mhix sempliċiment perċezzjoni.

Fil-fatt il-Eurostat turi kif f’dak li jirrigwarda rata ta’ immigranti meta kkumparat mal-poplazzjoni fl-2017, Malta kellha bejn 20 u 23 għal kull 1,000 abitant. Dan huwa l-istess ammont daqs ir-reġjun Kalmar Ian fl-Iżvezja u Fuerteventura fi Spanja. Ir-rapport jgħid illi l-ogħla rata ta’ immigrazzjoni kienet irreġistrata fil-kosti tal-Greċja, l-Italja u Malta.

L-ogħla rata ta’ immigranti kienet irreġistrata f’reġjuni diversi tal-Greċja, b’saħansitra żewġ reġjuni jkollhom 49 immigrant għal kull 1,000.

Interessanti wkoll illi minn dan ir-rapport jirriżulta illi minkejja r-realtà tal-kera, pajjiżna għandu l-inqas rata ta’ nies li għandhom it-toqol ta’ spejjeż relatati ma’ housing. Dan huwa riflessjoni ta’ studji/statistika oħra li hija sforz il-fatt illi maġġoranza qawwija ħafna tal-poplu hija sid ta’ darha, bil-ħlas tas-self lill-bank ikun pjuttost irħas

More in Politika