Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

'Il-ħaddiema tal-kuntrattur tal-Gozo Channel qed imorru x-xogħol qalbhom maqtugħa'

Il-UĦM - Voice of the Workers tordna azzjoni fost il-ħaddiema tal-kuntrattur tal-Gozo Channel

Albert Gauci Cunningham / 16 ta' Settembru 2018 09:14
B’effett minn għada t-Tnejn 17 ta’ Settembru, il-UĦM Voice of the Workers qed tintroduċi direttivi lill-ħaddiema tal-kuntrattur abbord il-vapuri tal-Gozo Channel.

Dawn l-impjegati jaħdmu fil-gradi ta’ cabin attendants u baħrin. Magħhom u eżatt bħalhom, hemm ukoll impjegati tal-Gozo Channel li għandhom kundizzjonijiet tax-xogħol ferm differenti.

Il-UĦM - Voice of the Workers ħadet azzjoni biex tgħin lill-ħaddiema tal-kuntrattur li spiċċaw imorru kuljum għax-xogħol delużi u b’qalbhom maqtugħa li xi darba ssir ġustizzja magħhom.

Il-każ kellu jiġi eskalat sa quddiem id-Direttur tax-Xogħol permezz ta’ tilwima industrijali, b’laqgħa uffiċjali li saret nhar it-Tlieta 4 ta’ Settembru.  Sfortunatament, minn dak inhar sal-lum ma nħarġet l-ebda risposta u konklużjoni fuq is-sitwazzjoni ta’ dawn l-impjegati.

Għalhekk il-UĦM ordnat direttivi sabiex il-cabin attendants ma jnaddfux il-kmamar tat-toilets abbord filwaqt li l-baħrin ma jorbtux il-vapuri mal-moll u ma jinżlux fil-garaxxijiet.

Din il-union se tibqa’ għaddejja bid-direttivi sakemm is-sitwazzjoni tissolva u l-membri jingħataw dak li ilhom jissieltu għalih – biex min jagħmel l-istess xogħol jingħata l-istess kundizzjonijiet.

Albert Gauci Cunningham, 32 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook