Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija Kummerċjali

'Qassisin LGBTIQ qed jgħixu ħajja moħbija fil-biża' - Drachma

Il-grupp Drachma, li jgħaqqad flimkien persuni LGBTIQ li huma Kattoliċi jesprimi tħassib dwar qassisn gay ċelibi, li iżda jaħbu l-orjentazzjoni tagħhom

Albert Gauci Cunningham / 15 ta' Settembru 2018 15:52
"In-negattività u l-preġudizzji persistenti li jeżistu dwar xi ħaġa li kulma hi sempliċement varjant fin-natura (bħal meta wieħed ikun xellugi) kompliet ixxerred l-istigma soċjali kontra persuni LGBTIQ. Dan qed jagħmilha diffiċli għal ħafna persuni LGBTIQ biex jagħmlu l-‘coming-out’ tagħhom u juru min huma verament, u minflok qed jagħżlu li jaħbu l-verità dwarhom infushom – xi ħaġa li tista’ tagħmlilhom ħsara kbira." Hekk sostniet l-għaqda Drachma hekk kif illum qed ikun iċċelebrat il-Gay Pride f'Malta, ċelebrazzjoni li tfakkar fil-kisbiet kollha ta' persuni LGTIQ għall-ugwaljanza. 

"Inħeġġu lill-Knisja biex tkun aktar inklużiva u lesta tħaddan żgħażagħ LGBTIQ, speċjalment fis-Sinodu dwar iż-Żgħażagħ li se jibda f’Ottubru, u li fih għandhom ikunu viżibbli u rrappreżentati." sostniet l-għaqda Drachma li fil-fatt tgħaqqad flimkien persuni LGBTIQ, li huma Kattoliċi kif ukoll lill-ġenituri ta' persuni LGTIQ. 

"Ninsabu mħassbin ukoll dwar is-saċerdoti gay ċelibi u reliġjużi LGBTIQ ċelibi li qed ikollhom jaħbu l-orjentazzjoni sesswali tagħhom minħabba mistħija u ansjetà, ħaġa li ma tgħinx l-iżvilupp uman u l-formazzjoni spiritwali tagħhom. Qed ikollhom jgħixu ħajja moħbija bil-biża’ li tintefa’ xi ħtija fuqhom u hekk il-ministeru tagħhom qed ikun affettwat negativament. Saċerdoti gay ċelibi li ma jiċħdux l-orjentazzjoni sesswali tagħhom u jgħixuha bi trankwillità jistgħu jikbru b’mod san anki minn din l-istess esperjenza," sostna l-grupp Drachma. 

Albert Gauci Cunningham, 32 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook