Tliet tfajliet fix-xahar jisfaw stuprati u jfittxu l-għajnuna

Id-Direttur ta’ Victim Support Malta, temmen li l-għadd tal-vittmi huwa akbar…

Kull sena, madwar 30 persuna li jkunu sfaw vittmi ta’ stupru qed ifittxu l-għajnuna ta’ Victim Support Malta, organizzazzjoni volontarja li toffri servizzi psikoloġiċi u anke legali lil dawn it-tfajliet u għadd ta' servizzi oħra lil persuni li jkunu sfaw vittmi ta' reat kriminali.

Mal-gazzetta ILLUM, id-Direttur tal-organizzazzjoni volontarja, Krista Tabone, spjegat kif 30 każ fis-sena diġà huwa ammont kbir għal pajjiż żgħir bħal Malta u dan meta wieħed jikkunsidra li jkun hemm vittmi oħra ta’ stupru li jfittxu l-għajnuna bnadi oħra.

Apparti dawn, Tabone saħqet li hemm vittmi oħra li jkunu sfaw abbużati sesswalment minn membri tal-familja u għalhekk isibuha diffiċli li jitkellmu jew inkella, il-każ tagħhom, ikun ikkunsidrat biss bħala ‘vjolenza domestika.’

Kompliet tispjega li fil-maġġoranza tal-każi li tiltaqa’ magħhom Victim Support Malta, il-vittmi jkunu tfajliet li għandhom bejn it-18 u t-30 sena, għalkemm minn kemm ilha topera, għenet ukoll erbat irġiel li sfaw vittmi ta’ stupru.

Minkejja li l-għadd tal-vittmi rġiel huwa wieħed żgħir, meta kkumparat ma’ dak tan-nisa, Tabone temmen li fil-verità hemm aktar każijiet li jibqgħu mistura, forsi anke għax għal raġel huwa aktar diffiċli li jfittex l-għajnuna.

‘Ħafna jqumu filgħodu f’appartament li ma jafux’

Ma setax jonqos li Krista Tabone tappella lit-tfajliet biex meta joħorġu ma’ sħabhom u jordnaw x’jixorbu, jassiguraw li t-tazza tgħaddi minn idejn tal-‘bar’ dritt għal għandhom u kemm jista’ jkun iżommuha f’idejhom u ma jitilquhiex minn taħt għajnejhom.

Spjegat li l-maġġoranza tat-tfajliet li sfaw stuprati u li fittxew l-għajnuna tagħhom, għal xi raġuni jew oħra ‘intilfu minn sensihom’ waqt li kienu f’xi ‘club’ jew ‘party’.

“Ħafna jqumu f’appartament li ma jafux u jispiċċaw ma jistgħux isibu l-ħwejjeġ,” qalet Tabone. “Oħrajn jistenbħu f’postijiet oħra u jindunaw li qegħdin fil-periklu.”

Staqsejna lil Tabone jekk kellhomx każijiet fejn vittma ngħatat sustanza bla ma taf u minħabba fiha spiċċat mitlufa minn sensiha u stuprata. Minkejja li jkun hemm każijiet simili, spjegat li mhux dejjem ikun faċli li jiġi identifikat jekk vittma kinitx taħt l-effett ta’ sustanza jew le.

“Id-drogi hemm barra dejjem jinbidlu. Meta sustanza tindera jew jibdew isiru tfittxijiet għaliha, tinbidel u tibda tintuża oħra,” kompliet Tabone.

Minħabba li t-testijiet li jsiru jkunu qed ifittxu għal sustanza partikolari, ir-riżultat ġieli jkun fin-negattiv, iżda jista’ jagħti l-każ li l-vittma tkun ingħatat sustanza ġdida u li dwarha ma jkunx sar test.

‘L-appoġġ tal-familja huwa importanti…iżda mhux dejjem garantit’

Mistoqsija x’effett iħalli stupru fuq saħħet il-vittmi, Tabone spjegat li ħafna mit-tfajliet jesperjenzaw trawma u xokk kbir li jistgħu jħallu effett negattiv fuq aspetti oħra tal-ħajja tal-vittma.

“Ikun hemm tfajliet li jagħtu tort lilhom infushom għal dak li ġara,” saħqet Krista. “Aħna nippruvaw nispjegawlhom li huma ma għandhomx tort. Dak hu l-ewwel pass.”

Minn hemm, wara li l-vittmi jkunu fittxew għajnuna medika, Victim Support Malta toffri servizzi ta’ appoġġ emozzjonali, iżda anke pariri legali, għax fi kliem Tabone, ftit huma dawk li jafu x’inhuma d-drittijiet tagħhom bil-liġi u kif taħdem is-sistema legali.

Minkejja l-għajnuna kollha li vittma tista’ tirċievi mingħand il-voluntiera professjonisti, l-appoġġ ta’ dawk madwar il-vittma jibqa’ importanti, għalkemm fi kliem Tabone, dan mhux dejjem ikun garantit.

“Mhux l-ewwel darba li s-sieħeb ta’ min ikun ġie stuprat jispiċċa jiddubita mill-integrità ta’ martu, is-sieħba jew l-għarusa tiegħu… Ikun hemm imbagħad familjari li jħossuhom mifxula għax iweħħlu fihom infushom li ma kinux kapaċi jipproteġu lill-vittma.

Propju għalhekk li s-servizzi ta’ Victim Support Malta jestdendu wkoll għall-familja u l-qraba tal-vittma.

U jekk ikun hemm riskju ta’ HIV jew marda oħra?

Ġieli kellkom każijiet fejn vittmi ta’ stupru spiċċaw mardu b’mard trasmess sesswalment? Tabone wieġbet li fortunatament, f’erba’ snin min kemm ilha topera l-organizzazzjoni, qatt ma ltaqgħu ma’ vittmi li żviluppaw marda trasmessa sesswalment wara stupru.

Dan ma jfissirx li l-biża’ ma tkunx qiegħda hemm, aktar u aktar jekk min wettaq l-istupru ma jkunx magħruf jew inkella jkun għeb.

Fil-fatt teżisti mediċina, HIV – Post-Exposure Prophylaxis, li l-għan tagħha huwa li tilqa’ f’każ li jkun hemm ċans li persuna misset mal-marda. Iżda fi kliem Tabone, din il-mediċina hija trawma fiha nnifisiha.

“Marbuta magħha hemm ħafna effetti diffiċli, fosthom uġigħ, hormone imbalance, tibdil fil-burdati u nuqqas ta’ aptit,” kompliet tispjega.

Il-mediċina tikkonsisti f’kors pirmli li jiswa €600 u tittieħed għal sitt ġimgħat.

‘Ma kellniex idea li hawn daqstant każijiet ta’ suwiċidju’

Iżda ma’ Tabone ma tkellimniex biss dwar il-vittma tal-istupru, hekk kif fil-ġimgħat li ġejjin Victim Support Malta se tkun qed tniedi servizzi ġdid immirat għall-persuni li ġieli kkontemplaw jew inkella ppruvaw jagħmlu suwiċidju.

Mal-ILLUM Tabone qalet li meta ħabbru s-servizz ma kellhomx idea li l-każi ta’ suwiċidju jew inkella l-attentat tiegħu, kienu daqshekk komuni.

Spjegat kif minn meta ħabbru s-servzz irċevew ħafna referenzi mingħand il-Pulizija u fi ftit xhur il-każi li ntalbu jassistu fihom telgħu ftit mhux ħażin.

“L-ammont huwa sinifikanti,” saħqet Tabone u anke f’dan il-każ in-numru tal-vittmi ma jista’ qatt ikun ċar għax ikun hemm imwiet, bħal fil-każ ta’ overdose, fejn ma jkunx jista’ jiġi indikat fiċ-ċert jekk mewta seħħitx b’inċident jew inkella apposta.

“Kien hawn vojt fis-servizz għal dawn il-vittmi,” kompliet Tabone.

Fil-jiem li ġejjin il-voluntiera ta’ Victim Support Malta se jkunu qed jirċievu taħriġ biex joffru appoġġ speċjalizzat lil dawn il-persuni.

L-organizzazzjoni se tkun qed toffri servizz ta’ appoġġ kemm individwali jew inkella fi grupp u l-persuna se titħalla tagħżel hi x’tippreferi.

Is-servizz se jkun estiż ukoll għal dawk li jkunu tilfu lil xi ħadd mill-familja b’suwiċidju.

Kif tista’ tgħin lil Victim Support Malta?

Ħafna mill-professjonisti  li jiffurmaw Victim Support Malta jaħdmu fuq bażi volontarja u għaldaqstant, apparti r-riżorsa umana, id-donazzjonijiet jibqgħu importanti ħafna:

Jekk tixtieq tagħti donazzjoni lil Victim Support Malta tista’ ċċempel fuq:

50617313 għal donazzjoni ta’ €2.33

50617916 għal donazzjoni ta’ €4.66

50619246 għal donazzjoni ta’ €11.65

Għandek bżonn l-għajnuna?

Jekk sfajt vittma ta’ reat kriminali jew tħoss li għandek bżonn l-għajnuna għax xi ħadd mill-familja tiegħek safa vittma tista’ ċċempel lil Victim Support Malta fuq 2122 8333.

Tista’ wkoll tibgħat email fuq: [email protected]

Aktar tagħrif dwar is-servizzi offruti minn Victim Support Malta jista’ jinkiseb minn fuq is-sit tal-NGO www.victimsupport.org.mt jew inkella l-paġna ta’ Facebook Victim Support Malta

More in Politika