Erba' films ġodda fis-swali taċ-ċinema din il-ġimgħa

Alpha, Yardie, Luis and the Aliens u The Heiress...

Alpha
Alpha

Alpha

Atturi Ewlenin: Kodi Smit-McPhee; Johannes Haukur Johannesson; Leonor Varela; Nastassia Malthe.

Direttur: Albert Hughes. .

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 96 min.

Ċert. 12A

L-avventuri gwappi u epiċi fiċ-ċinema jseħħu f'kull medda ta' żmien. Mill-futur ta' dinja distopjana, meqruda minn xi katastrofu nukleari, jew minn xi virus qawwi li jaħkem fuq il-maġġoranza, nistgħu mmorru lura sewwa fiż-żmien meta d-dinja tagħna kienet għadha fi stat primittiv.  Alpha jippreżentalna avventura spettakulari li sseħħ 20,000 sena ilu, fl-epoka tal-aħħar darba meta l-pjaneta tagħna kienet miksija totalment bis-silġ. L-umani kienu ggruppati fi tribujiet fejn kull mexxej kien ikun kburi jieħu lit-tifel tiegħu, għall-ewwel darba, għall-kaċċa tal-bufli u jarah jirnexxi. Keda (Smit-McPhee), ġuvni ta' 17-il sena jmur ma' missieru (Johannesson) għal din il-kaċċa, ikun ferut gravi, maħsub mejjet u abbandunat. B'kuraġġ ardit jistejqer u bil-mod jibda t-triq lura meta jkun attakkat minn xi lpup. Meta jferi wieħed, minflok joqtlu, jdewwieh u jipprova jsir ħabib miegħu. Bl-atmosfera tehzien bil-kbir f'xitwa brutali u twila, b'irjiħat qawwija ta' kesħa tremenda u art miksija silġ ta' madwar żewġ mili fond, dawn it-tnejn jimbarkaw fuq vjaġġ ta' perikli, iżolazzjoni, nuqqas ta' ikel u taqtigħa biex jibqgħu jferfru u jaslu lura lejn darhom. Keda jsemmi lil dan il-ħabib, Alpha. Din hi produzzjoni viżwalment affaxxinanti, li turi rakkont kif forsi setgħet bdiet ir-rabta bejn il-bniedem u l-iżjed annimal li jirrispettah. Minkejja nuqqas tal-lingwa, l-azzjoni u l-metodi li wieħed jaddotta f'dawn iċ-ċirkostanzi jistgħu wkoll iservu ta' rabta dejjiema u sinċiera. Il-qofol ta' Alpha jfakkar films ta' stoffa u sopravivenza bħal Man In The Wilderness (1971), Jeremiah Johnson (1972) u The Revenant (2015), waqt li l-ispirtu tal-istorja jixbah lill-awtentiku Quest For Fire (1981). Dan ix-xogħol fih kast internazzjonali.

 

 

Yardie

Atturi Ewlenin: Aml Ameen; Shantol Jackson; Stephen Graham; Everaldo Creary; Sheldon Shepherd.

Direttur: Idris Elba.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 102 min.

Ċert. 15

Il-kriminalità f'Londra tas-snin tmenin qed nerġgħu nosservawha ġo film ieħor, Yardie . Però, il-bidu ta' din il-produzzjoni diretta mis-soltu attur, Idris Elba, iseħħ ġo Kingston, fil-Ġamajka xi għaxar snin qabel. Dan ix-xogħol jiffoka fuq il-ħajja ta' żagħżugħ mill-Ġamajka, jismu D (Ameen) li l-qtil ta' ħuh meta kellu 10 snin baqa' stampat ġo moħħu. Wara jkun protett minn bniedem potenti minn Kingston u minn produttur tal-mużika. Meta jintbagħat Londra jerġa' jiltaqa' mal-maħbuba tiegħu ta' tfulitu, Yvonne (Jackson) u mat-tifla li qatt ma ra minn meta kienet tarbija. Waqt li jipprova xortih ma' grupp mużikali, qabel ma jkun deċiż li jabbanduna l-ħajja kriminali tiegħu, jiltaqa' ma' dak li qatel lil ħuh snin qabel. Vendetta spjetata ta' tpattija tinbet ġo fih, tant li ġġibu f'konflitt ma' gangster kattiv ta' Londra. Dan il-film hu bbażat minn fuq il-ktieb tal-1992 ta' Victor Headley. Waqt li Yardie hu xogħol sodisfaċenti b'mużika mill-aqwa, r-riżultat finali jħalli xi ftit ta' dizappunt kif din l-istorja tizvolgi b'mod ordinarju li kultant iħawwdek. Yardie fir-Renju Unit tfisser xi wieħed kriminali minn xi gang tal-Ġamajka jew mir-reġjun tal-Karibew.

 

Luis and the Aliens

Vuċijiet Ewlenin: Callum Maloney; Dermot Magennis; Joey Guila; Lea Thompson; Will Forte.

Diretturi: Christoph Lauenstein u Wolfgand Lauenstein.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 84 min.

Ċert. U

 Luis and the Aliens hu film animat ieħor, koproduzzjoni bejn il-Ġermanja, il-Lussemburgu u d-Danimarka. Bi tpinġija ċara u kkulurita, dan ix-xogħol tassew jappella għat-tfal żgħar u l-familji.  B'missier dejjem jgħarrex is-smewwiet bi tromba kbira, għax hu konvint li x'imkien teżisti ħajja aljena, it-tfajjel Luis ta' 12-il sena (vuċi ta' Maloney) trabba qisu nofsu orfni. Fl-iskola u anki fil-karozza tat-trasport tat-tfal, Luis sikwit ikun il-mira tal-bulijiet. Tassew tkun sorpriża għalih meta tliet aljeni żgħar imqarrbin, Mog, Nag u Webo, jillandjaw bil-vettura tagħhom propju quddiem id-dar tiegħu, għax hu lanqas biss kien jemmen f'din il-ħaġa. Hu jkun irid juri b'dan lil missieru, iżda jibża' li jispara għalihom u jiffriżahom. Sadanittant, is-Sinjora Mrs. Winter, ta' dixxiplina kbira, tissuspetta li Luis mhux qed jieħu l-attenzjoni u t-trobbija tajba li għandu bżonn minn missieru. Hi tiddeċiedi li Luis għandu jmur xi skola fejn jorqod hemm. Hu, flimkien ma' sħabu l-ġodda jimbarkaw fuq vjaġġ eċitanti biex jgħin lil dawn l-esseri jsibu dak li għandhom bżonn u huma, minn naħa tagħhom jippruvaw jeħilsuh minn skola ta' ħafna rbit u mill-problemi kollha ta' din id-dinja. Għalkemm wieħed jista' jissopponi li l-istorja mhix xi waħda oriġinali, b'ideat meħuda minn diversi thrillers tax-xjenza fittizja u anki fantasija, xorta Luis And The Aliens għandu jagħti pjaċir lit-tfal ta' minn 12-il sena ’l isfel.

 

The Heiresses

Atturi Ewlenin: Ana Brun; Margarita Irun; Ana Ivanova; Maria Martins; Alicia Guerra.

Direttur: Marcelo Martinessi.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 95 min.

 Ċert. 12

The Heiresses hu film drammatiku mill-Paragwaj, bis-sotto titoli, bi premessa xi ftit eċċentrika u rari. Kważi matulu kollu jidhru nisa biss, l-iżjed ta' mezz'età jew anzjani li jappartjenu lill-klassi tas-sinjuri ta' dan il-pajjiż. Il-protagonisti huma żewġ nisa, Chela (Brun) u Chiquita (Irun) li ġejjin minn familja għolja ta' Assunzjon u li ilhom jgħixu flimkien għall-madwar tletin sena. Is-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom tant tehzien li jibdew ibiegħu mill-affarijiet li kienu wirtu. Id-dejn jirkibhom bil-kbir u meta Chiquita aktarx tista' teħel il-ħabs fuq frodi, Chela se jkollha tiffaċċja realtà qarsa quddiemha. Wara dan iż-żmien kollu, titgħallem issuq u tibda tipprovdi servizz ta' taxi lill-grupp ta' nisa anzjani li sikwit jiltaqgħu flimkien jilagħbu l-karti... Waħda mill-kundizzjonijiet tagħha hi li ma ssuqx fi triqat ewlenin traffikużi fejn isiru rondi ta' sikwit mill-pulizija. Meta tieħu bħala parruċċana li Angy (Ivanova), mara żagħżugħa, moderna u b'moħħ miftuħ, tibda toħroġ mill-ħajja miġbura u monotona li dejjem ħaddnet, waqt li timbarka fuq rivoluzzjoni ntima u personali. Ana Brun bħala Chela, mara timida dejjem ġewwa li fl-aħħar toħroġ minn qoxortha hija tassew naturali, parti li rebħitilha l-premju Silver Bear fil-Festival Internazzjonali ta' Berlin u anki unuri diversi oħra. Film li għandu jinvolvi liċ-ċineasti ta' stoffa!

 

More in Politika