Richard Muscat mistenni jmexxi l-kummissjoni li se tiskrutinizza l-kandidati tal-PN

....ftit ilu Muscat kien esprima l-lealtà lejn Adrian Delia u huwa parti mill-Amministrattiv li vvota favur is-sospensjoni ta' Simon Busuttil mill-PN

Dan is-sit jista' jiżvela illi l-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista lbieraħ għażel lill-membri tal-Kummissjoni għall-Għażla tal-Kandidati li se tkun qed tiskrutinizza lill-kandidati kollha tal-PN u taċċerta illi dawn huma persuni ideoneji biex joħorġu għall-elezzjonijiet tal-MEPs, Kunsilli Lokali u dik Ġenerali. Dan is-sit jista' jikkonferma illi din il-Kummissjoni se tkun immexxija mill-veteran Richard Muscat li ilu jimmilità fil-PN, kien Deputat u llum huwa membru tal-Amministrattiv tal-PN. Huwa fil-fatt kien ivvota favur it-talba biex l-eks Kap tal-PN Simon Busuttil jissospendi lilu nnifsu mill-partit, kif għamel l-amministrattiv kollu.

F'Lulju li għadda, ftit wara d-deċiżjoni tal-Amministrattiv tal-PN dwar Busuttil, Muscat wera' l-appoġġ tiegħu lejn il-Kap tal-PN Adrian Delia, fid-dawl tal-fatt illi numru kbir ta' Deputati Nazzjonalisti pubblikament wrew id-diżapprovazzjoni tagħhom għad-deċiżjoni. Muscat kien qal illi dak kollu kien jemmen dwar Egrant "sar duħħan" u sostna l-lealtà tiegħu lejn Adrian Delia. 

"Jien dejjem leali lejn il-Kap," kien qal Richard Muscat. 

More in Politika