Ryanair tħabbar 10 titjiriet ġodda minn Malta

...fost dawn għall-ewwel darba se toffri titjiriet minn Malta lejn in-Norveġja u l-Lussemburgu.

Il-Linja tal-Ajru Ryanair ħabbret li mis-sajf tas-sena d-dieħla se tkun qed topera 10 titjiriet ġodda lejn bliet Ewropej.

Dawn l-ajruporti huma:

  • Cardiff u Exeter fir-Renju Unit
  • Lamezia u Perugia fl-Italja
  • Nantes fi Franza
  • Thessalonkini fil-Greċja
  • Cork fl-Irlanda
  • Maastricht fl-Olanda
  • Oslo Torp fin-Norveġja
  • Lussemburgu

Dan ifisser li għall-ewwel darba, ir-Ryanair se toffri titjiriet minn Malta lejn in-Norveġja u l-Lussemburgu.

B'din iż-żieda, ir-Ryanair se tkun qed topera total ta' 61 rotta minn Malta.

David O’Brien mill-kumpanija Ryanair, qal li dawn ir-rotot ġodda se jfissru li Malta se jkollha aktar konnessjonijiet Ewropew minn Heathrow f’Londra.

Min-naħa tiegħu, iċ-Ċermen Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, Gavin Gaulia qal li r-rotot il-ġodda jikkumplimentaw l-istrateġija tal-MTA li Malta tingħaqad ma kemm jista’ jkun destinazzjonijiet.

Il-Ministru għat-Turiżmu, Konrad Mizzi, laqa’ din l-aħbar u insista li Malta ma għadhiex destinazzjoni għas-sajf iżda l-istatistiċi qed juru żieda fit-turiżmu matul is-sena kollha

'Prova ċara ta' deċiżjoni għaqlija'

B'reazzjoni, l-Ewroparlamentari Francis Zammit Dimech qal li din l-aħbar hija prova tad-deċiżjoni għaqlija li kien ħa Gvern Nazzjonalista.

Fakkar, li meta hu kien Ministru għat-Turiżmu kien imbotta 'l quddiem l-idea li f'Malta jkunu introdotti l-kumpaniji low-cost, anke jekk il-Partit Laburista kien kontra.

"Din kienet deċiżjoni li fetħet beraħ l-opportunitajiet għall-Maltin u għall-industrija tat-turizmu f'Malta," temm jisħaq Zammit Dimech.

More in Politika