Żieda ta' 9.5% fil-passiġġieri fl-Ajruport Internazzjonali ta' Malta

L-aqwa ħamest iswieq għal Awwissu kienu r-Renju Unit, l-Italja, il-Ġermanja, Franza u Spanja...

It-traffiku mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kompla jirreġistra tkabbir, hekk kif il-movimenti tal-passiġġieri għal Awwissu laħħqu total ta’ 759,547. Dan it-total isarraf f’żieda ta’ 9.5% fuq l-istess xahar is-sena li għaddiet, u stabbilixxa rekord tat-traffiku ġdid għall-ajruport. 
B’medja ta’ 24,502 movimenti tal-passiġġieri kuljum, ix-xahar ta’ Awwissu kien impenjattiv mhux ħażin għat-tim tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. 
Din iż-żieda fin-numru ta’ passiġġieri ġiet osservata b’mod parallel ma’ żieda ta’ 9.7% fil-movimenti tal-ajruplani. Fil-fatt, tul ix-xahar ta’ Awwissu kien hemm aktar minn 5,000 tlugħ u nżul ta’ ajruplani fil-mitjar.  
Filwaqt li n-numru ta’ postijiet disponibbli fuq it-titjiriet tela’ b’10.5%, is-seat load factor (SLF) naqas b’0.7 punti perċentwali, meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena ta’ qabel, u kien ta’ 87.4%. 
L-aqwa ħamest iswieq għal Awwissu kienu r-Renju Unit (+12.1%), l-Italja (+16.2%), il-Ġermanja (-11.0%), Franza (+2.5%) u Spanja (+30.0%).  
Skont is-Summer Season Travel Report għall-2018, Malta qed issir dejjem aktar popolari ma’ turisti Brittaniċi li jsiefru fuq vaganza. F’dan ir-rapport, Malta tidher mal-10 swieq li kibru bl-aktar pass mgħaġġel għall-istaġun tassajf, b’rata ta’ tkabbir ta’ 13.7%.  
Il-prestazzjoni notevoli tas-suq Spanjol tista’ tiġi parzjalment attribwita għall-fatt li r-rotot Spanjoli żdiedu blintroduzzjoni ta’ titjiriet lejn Bilbao, Malaga, u Sevilja. In-netwerk ta’ rotot Franċiżi twessa’ wkoll bit-tnedija ta’ tliet servizzi skedati lejn Paris-Beauvais, Nizza u Lourdes, li kkontribwew għat-titjib ta’ 2.5% li esperjenza dan is-suq

More in Politika