Il-fjuri u xemgħat għal Daphne jitneħħew qabel iċ-ċerimonja tal-lejla

Minn meta nqatlet Caruana Galizia, il-Monument tal-Assedju nbidel f'mafkar għall-ġurnalista

Matul il-lejl li għadda tneħħa r-ritratt, il-fjuri, ix-xemgħat u l-messaġġi għal Daphne Caruana Galizia minn fuq il-Monument tal-Assedju l-Kbir fil-Belt Valletta.

Dan hekk kif illejla se ssir is-serata annwali li tfakkar iż-żewġ assedji, li matulha jiġu mqiegħda kuruni mill-Aġent Prim Ministru, l-Ispeaker, il-Kap tal-Oppożizzjoni u diversi mistiedna distinti.

Il-Kunsillier Ray Azzopardi tefa' fuq Facebook ritratt ta' kif sebaħ il-monument kmieni dalgħodu.

Il-Monument tal-Assedju ddawwar ukoll b'għadd ta' barrikati bil-għan li sal-lejla ma jergħux jitpoġġew il-fjuri u x-xemgħat .

Minn meta nqatlek Caruana Galizia, il-Monument tal-Assedju nbidel f'mafkar għaliha, fejn kull 16 tax-xahar issir ċelebrazzjoni li matulha titfakkar il-ġurnalista u ssir sejħa għall-ġustizzja, iżda sar ukoll suġġett ta' kontroversja.

Il-Kunsiller Laburist Ray Azzopardi kien ressaq mozzjoni quddiem il-Kunsill Lokali tal-Belt biex fi kliemu, il-Monument tal-Assedju l-Kbir "ikun imnaddaf" mill-fjuri u x-xemgħat. 

Iżda din il-mozzjoni ma tantx kienet niżlet tajjeb ma' kulħadd, lanqas mal-kollega tiegħu l-Kunsillier Laburista Norman Shaw li kien insista li l-mozzjoni qatt ma kellha tiġi aċċettata mill-Kunsill Lokali u saħaq li ġiet aċċettat biss biex “jinħoloq ċirku, bil-buffu prinċipali jkun Ray Azzopardi.”

Fil-fatt, il-laqgħa tal-Kunsill kienet ikkaraterizzata minn għajjat u storbju u saħansitra kien hemm min kellu jinħareġ mis-sala.

More in Politika