'Ma nafx jekk Pilatus jew l-Ażerbajġan għandhomx kopja tal-inkjesta Egrant'

  • Fil-Qorti Delia jisħaq li l-konklużjonijiet tal-inkjesta Egrant kienu biżżejjed biex taw lill-Prim Ministru s-sodisfazzjon li ried
  • L-Avukat Ġenerali jgħid li Delia fetaħ il-każ kontrih għall-'gazzetti'

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia saħaq li l-konklużjonijiet tal-inkjesta Egrant wieġbu l-mistoqsijiet kollha li kellu jinvestiga l-Maġistrat Aaron Bugeja u qal li dawn kienu biżżejjed biex taw lill-Prim Ministru s-sodisfazzjon li ried.

Madanakollu huwa saħaq li ġaladarba l-Avukat Ġenerali ħass li l-Prim Ministru kellu jkun jaf x’fihom l-1,400 paġna l-oħra tal-inkjesta, kellu jagħmel l-istess mal-Kap tal-Oppożizzjoni li xogħlu jiskrutinizza l-azzjonijiet tal-Gvern

Huwa qal dan waqt li dalgħodu xehed quddiem il-Qorti Kostituzzjonali wara li fetaħ rikors kontra l-Avukat Ġenerali li kien iddeċieda li ma għandux jagħti l-inkjesta sħiħa lill-Kap tal-Oppożizzjoni.

Delia qed jisħaq li bl-azzjonijet tiegħu, l-Avukat Ġenerali Peter Grech kiser il-Kostituzzjoni u qed ipoġġi lill-Prim Ministru, lill-Gvern u lill-Partit Laburista f’vantaġġ.

'Il-PM jaf xi ħaġa li jiena ma nafx'

Huwa kompla jgħid li ma jistax ikun ċert jekk id-dokument jinsabx f’idejn persuni oħra, ġaladarba dan qiegħed f’idejn il-Prim Ministru. Tant hu hekk li nhar it-Tnejn li għadda, l-Avukat ta’ Delia qal li se jkun qed jitlob lill-Prim Ministru biex jitla’ jixhed.

“Ma nafx jekk ħaddieħor għandux kopja tar-rapport u għandi dritt inkun naf. Ma nafx jekk Pilatus Bank, jew l-istat tal-Ażerbajġan, għandux kopja tar-rapport.”

Delia kompla jgħid li jiem ilu, il-Prim Ministru qal li l-firem iffalsifikati mhumiex l-uniku fabbrikazzjoni li kien hemm fl-allegazzjonijet. “Dan ifisser li l-Prim Ministru jaf xi ħaġa li jiena ma nafx u qed jingħata l-privileġġ li juża din l-informazzjoni,” kompla Delia.

'Hemm informazzjoni oħra ta' interess pubbliku'

Fakkar ukoll li l-inkjesta ssemmi persuni oħra viċin il-Gvern, fosthom lil Keith Schembri. Insista li l-konklużjonijiet jikkonfermaw li Schembri kellu kontijiet fil-Bank Pilatus u hemm dokument ta’ 78 paġna li juri dan.

“Għandi nassumi li dawn id-dokument jinsab fl-inkjesta sħiħa?” staqsa Delia.

Kompla jinsisti li minn dak ippubblikat irriżulta li f’dawn il-kontijiet saru tranżazzjonijiet żgħar.

“Żgħar x’jiġifieri? Mijiet, eluf, miljuni,” kompla jistaqsi l-Kap tal-Oppożizzjoni.

Insista li għalkemm fil-konklużjonijiet ma hemm xejn li jista’ jpoġġi xi dubju fuq il-Prim Ministru, hemm informazzjoni oħra li hija importanti u fl-interess pubbliku li tkun analizzata.

'Il-każ infetaħ għall-gazzetti' - L-Avukat Ġenerali

Intant, fil-bidu tas-seduta, Vincent Galea, l-Avukat ta’ Delia, ippreżenta l-lista tax-xhieda li mistenni jtella’ fuq dan il-każ.

Waqt batibekk li qam bejn l-Avukat Ġenerali u Galea, Peter Grech qal li l-każ infetaħ “għall-gazzetti.”

Delia dlonk qabeż u insista li dak li qed jgħid l-Avukat Ġenerali huwa offiża, aktar u aktar meta wieħed jikkunsidra n-natura tal-każ.

L-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali għandu jumejn ċans biex jippreżenta l-lista tax-xhieda tiegħu.

Il-każ ikompli fil-11 ta’ Settembru.

More in Politika