Il-proġett tad-db jingħata timbru pożittiv mid-Direttorat għall-Ippjanar

Id-deċiżjoni aħħarija se ttieħed fl-20 ta' Settembru

Id-Direttorat għall-Ippjanar qed jirrakomanda li għandu jiġi approvat il-proġett ta’ db Group li għandu jibni torri ta’ 38 sular u lukanda ta’ 11-il sular fuq biċċa art trasferita mill-Gvern u li fuqha kien hemm l-Istitut għall-Istudji Turistiċi.

Id-deċiżjoni aħħarija dwar dan l-iżvilupp se tkun qed tittieħed fl-20 ta’ Settembru li ġej.

Dan il-proġett qajjem diskussjoni u reżistenza sħiħa fosthom mir-residenti tal-madwar, il-kunsilli lokali ta’ Pembroke, is-Swieqi u San Ġiljan. Il-Kummissjoni Ambjent tal-Knisja, kienet kitbet lill-kumpanija Hard Rock Hotels tħeġġiġhom biex jagħmlu pressjoni fuq l-applikanti tal-proġett tad-db f’Pembroke biex l-iżvilupp jkun rivedut b’tali mod li "l-komunitajiet, l-aktar dawk lokali, ma jbatux mill-iżvilupp."

Fil-fatt, kienet ġew sottomessi, lill-Awtorità tal-Ippjanar, 'il fuq minn 4,000 oġġezzjoni għal dan il-proġett. Apparti minn hekk mijiet kienu niżlu jipprotestaw kontra dan il-proġett, bil-Prim Ministru Joseph Muscat, ftit taż-żmien wara, kien saħaq li jista' jinħoloq kompromess tajjeb dwar dan il-proġett.

Dan il-proġett se jkun qed jinbena fuq biċċa art ta’ 109,919 metru kwadru. Il-lukanda se tkun għolja 73 metru u t-torri se jkun qed jinkludi 141 appartament. L-istess proġett se jkun qed jinkludi stabbiliment tal-ħwienet.

Fi stqarrija, Moviment Graftiti, kien saħaq li l-iżvilupp se "jidfen lin-nies ħajjin taħt struttura enormi," u li "se joħloq dell kważi permanenti fuq ħafna residenti."

Grafitti kien saħaq ukoll li l-iżvilupp "se jiġġenera 7,500 vjaġġ bil-karozza kuljum, joħloq trabijiet perikolużi u jestendi lil Paceville lejn żona ippjanata għall-użu residenzjali."

L-uffiċjal tal-każ kien saħaq li l-proġett se jkollu impatt viżiv fuq il-madwar, madanakollu kien kompla jgħid li l-Awtorità tal-Ippjanar għandha tikkunsidra dan fil-kuntest taż-żona u l-pjanijiet li jeżistu għalija, ġaladarba fil-futur dan il-proġett se jkun qed jikkumplimenta bini simili.

More in Politika