'L-FIAU taf min hu s-sid ta' 17 Black' - Casa u Gomes

Gomes qalet li l-Aġenzija Kontra l-Ħasil tal-Flus tal-Latvja, kienet bagħtet lill-FIAU l-informazzjoni kollha li kellha dwar il-kumpanija 17 Black

Ana Gomes u David Casa
Ana Gomes u David Casa

L-Ewroparlamentari Ana Gomes qalet li l-Aġenzija Kontra l-Ħasil tal-Flus tal-Latvja, kienet bagħtet lill-FIAU Maltija l-informazzjoni kollha li kellha dwar il-kumpanija 17 Black.

Fuq Twitter, Gomes qalet li d-Direttur tal-Aġenzija tal-Latvja kkonfermalha li fi Frar li għadda, kien għadda informazzjoni dwar il-kumpanija 17 Black lill-FIAU, fosthom id-dettalji tas-sid benefiċċjarju tagħha li sal-lum għadu magħruf.

L-informazzjoni, dejjem skont dak li kitbet Gomes, kienet tinkludi wkoll il-kontijiet u t-tranżazzjonijiet kollha li għamlet il-kumpanija.

B’reazzjoni, l-Ewroparlamentari David Casa saħaq li l-kumpanija 17 Black qed tgħaddi flus moħbija lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri u insista li minkejja li l-awtoritajiet Maltin jafu min hu s-sid tagħha, għadhom ma ħadux passi.

Insista li aktar ma jkun hemm dewmien biex tittieħed azzjoni, aktar l-awtoritajiet se jidhru kompliċi.

Anke Gomes, li ġiet darbtejn Malta biex tinvestiga allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni, saħqet li għadha ma tistax tifhem, kif il-Pulizija Maltija għada ma ħadet l-ebda passi kontra ċ-Chief of Staff f’Kastilja, Keith Schembri u l-Ministru Konrad Mizzi.

Fakkret li l-istess żewġ persuni fetħu kumpaniji fil-Panama iżda qatt ma ġew akkużati b’ħasil ta’ flus.

“Għalfejn Joseph Muscat se jibqa’ jipproteġihom?” staqsiet Gomes.

Iżda x’inhi din 17 Black?

Fit-18 ta’ April li għadda, il-Proġett Daphne kien irrapporta li total ta’ €1.3 miljun kienu trasferiti lill-kumpanija 17 Black, kumpanija f’Dubaj, deskritta bħala waħda mit-“target clients,” biex tħallas lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi fil-kumpaniji li kienu fetħu, reġistrati fil-Panama.

Skont imejls li kienet rat il-gazzetta Ġermaniża Süddeutsche Zeitung, il-kumpanija 17 Black kellha tħallas lill-kumpaniji Tillgate u Hearnville, li s-sidien tagħhom huma Schembri u Mizzi rispettivament, minn kontijiet li ppruvaw jiftħu fil-Bahamas, liema kontijiet baqgħu qatt ma nfetħu.

Minn rapport li spiċċa f’idejn il-midja, jirriżulta li investigaturi milll-Aġenzija tal-Gvern Kontra l-Ħasil tal-Flus (FIAU) segwew żewġ tranżazzjonijiet, li t-total tagħhom kien ta’ €1.3 miljun, liema tranżazzjonijiet għaddew għand 17 Black, minn kumpanija oħra fis-Seychelles u li jisimha, Mayor Trans.

Il-$200,000 l-oħrajn li ntefgħu f'din il-kumpanija (17 Black) qed ikun irrappurtat illi ġew minn aġent lokali għat-Tanker tal-LNG. Fil-fatt l-istess investigazzjoni żvelat kif pagament ieħor ta’ €161,000 kien intbagħat lil 17 Black minn Orion Engineering, kumpanija li s-sid tagħha huwa Mario Pullicino, li huwa l-aġent lokali li qed jissupplixxi l-LNG lill-power station il-ġdida.

Rapport li ħareġ il-Kumitat PANA, li kienet tmexxi Ana Gomes, kien jisħaq li l-FIAU ma kinitx wieġbet mistoqsijiet dwar il-kumpanija 17 Black u r-rabta li jista’ jkollha mal-eksMinistru u eks-Kummissarju Ewropew John Dalli

Schembri u Mizzi jiċħdu li hemm il-korruzzjoni

Kemm Schembri u anke Mizzi kienu ċaħdu allegazzjonijiet li kienu qed jużaw lil 17 Black għal-ħasil tal-flus.

Schembri kien qal li 17 Black u l-kumpanija l-oħra MacBridge "kienu parti mill-pjani ta' negozju tiegħi bħala klijenti potenzjali."

Schembri qal li l-kumpaniji tiegħu jagħmlu tużżani ta' pjanijiet u qal li l-ebda tranżazzjonijiet ma kienu qatt rrekordjati minn dawn il-kumpaniji għalih. "M'għandi l-ebda għarfien ta' dan l-allegat ħlas," kien saħaq Schembri.

Min-naħa tiegħu, Konrad Mizzi qal li ma kien hemm l-ebda rabta bejn il-kumpaniji, it-trust u l-kumpanija 17 Black, waqt li insista li Hearnville qatt ma kellha kont bankarju u li qatt ma rċeviet flus mingħand ħadd.
 

More in Politika