Il-Kurja tikkonferma dak li żvelat l-ILLUM; Il-Vatikan 'ħafer' lil Dun Cini

Il-Kurja tikkonferma dak li żvela dan is-sit ilbieraħ...

Il-Kurja, ftit tal-ħin ilu, fi stqarrija kkonfermat l-istorja esklussiva li ppublika lbieraħ dan is-sit, meta sostniet illi fl-2008, "sar proċess kanoniku mis-Santa Sede li ddetermina li Dun Cini ma ngħatax il-piena li twassal għat-tkeċċija mis-saċerdozju u għalhekk jibqa’ saċerdot tal-Knisja Kattolika. Dan il-proċess sar wara li huwa għamel programm terapewtiku residenzjali ta’ sentejn fl-Italja." 

Ara dak li żvelajna ilbieraħ hawn

Dun Felix Cini kien akkużat b'attenzjoni żejda fuq 17-il tifel u tifla u aċċetta l-ħtija permezz ta' 'pattegiamento', jew ftehim illi permezz tiegħu waqgħu wħud mill-akkużi li kienu saru kontrieh. Ma' dan is-sit huwa sostna li qatt u qatt m'abbuża mit-tfal, kif hemm min qed jimplika imma biss li ta' attenzjoni żejda, kif tgħid is-sentenza ta' ħtija.

"Fl-Arċidjoċesi ta’ Malta, Dun Cini ma tħalliex jeżerċita l-ministeru tiegħu, la jkun f’kuntatt ma’ minuri u lanqas jaħdem fl-ebda parroċċa. L-arċipriet tal-parroċċa kien ukoll infurmat dwar dan. F’xi okkażjonijiet, Dun Cini talab li jingħata l-permess li jikkonċelebra fil-Quddiesa. Dan ingħata biss f’ċirkustanzi partikolari bħalma huma funerali ta’ qraba u ġirien, u okkażjonijiet speċjali. L-aħħar Quddiesa li ħa sehem fiha bħala konċelebrant kienet f’Mejju 2018," sostniet il-Kurja."Rapporti li Dun Felix Cini huwa saċerdot full-time huma foloz," sostniet il-Kurja għal rapporti li deheru fuq mezzi oħrajn tax-xandir.

Intant il-Kurja qalet ukoll illi l-Kummissjoni għall-Ħarsien tat-Tfal tal-Knisja qed tevalwa l-każ mill-qrib. 

 Ritratt: Dun Felix (l-ewwel mil-lemin) jikkonċelebra mal-Arċisqof Charles Scicluna f'Novembru li għadda

(Aktar informazzjoni fil-ħin li ġej) 

More in Politika