Sa Frar li ġej persuni gay se jkunu eliġibbli biex jagħtu d-demm

Kienet il-gazzetta ILLUM li qajmet kuxjenza dwar dan u li waslet biex il-Gvern jixtri apparat apposta biex persuni gay jkunu jistgħu jagħtu d-demm

Minn Frar li ġej persuni gay se jkunu jistgħu jagħtu d-demm wara li l-Gvern xtara apparat apposta biex permezz tiegħu persuni gay ikunu jistgħu jagħtu d-demm.

Ħabbar dan dalgħodu, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne li spjega kif dan l-apparat se jkun jista' janalizza demm ta’ persuni li jkollhom relazzjoni sesswali ma' persuni tal-istess sess.

Kienet il-gazzetta ILLUM li ċemplet liċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm u kkonfermat li persuni tal-istess sess ma jistgħux jagħtu demm.

It-tabiba preżenti dak il-ħin kienet iċċarat mill-ewwel li jekk raġel qatt kellu x’jaqsam sesswalment ma’ raġel ieħor, imqar darba biss f’ħajtu, dan ma jibqax eliġibbli biex jagħti d-demm.

Dan ifisser illi s-sistema f’Malta hija tali li persuna omosesswali hija mill-ewwel eskluża minn dan il-proċess qabel biss tkun ittestjata għal HIV jew kwalunkwe tip ta’ mard ieħor.

Kienet il-Kummissjoni Ewropea stess li lura fl-2011, ironikament permezz tal-eks Kummissarju Malti John Dalli, iddikjarat din il-prattika bħala kuntrarja għad-Direttiva tal-UE, u allura kontra l-liġi.

Is-sitwazzjoni madwarna

Franza, fost l-oħrajn, irrilassaw sew il-liġijiet tagħhom billi ffokaw aktar fuq atteġġjament sesswali riskjuż milli fuq l-orjentazzjoni sesswali.  Il-Ministru Franċiża responsabbli minn dawn il-bidliet kienet qalet illi diskriminazzjoni ta’ donaturi bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali hija “inaċettabbli” u huwa biss fil-każ ta’ nuqqas ta’ sigurtà ta’ min se jingħata d-demm li għandu jkun hemm limitazzjoni jew projbizzjoni tal-għoti tad-demm.”

Fil-Kanada wkoll, il-Gvern Liberali ta’ Justin Trudeau qed jaħdem biex ineħħi din id-diskriminazzjoni, fuq il-bażi ta’ wegħda elettorali. Petizzjoni li għaddejja bħalissa tħeġġeġ lill-Gvern biex iwaqqaf din il-prattika. Fil-Kanada din il-prattika mhix daqstant ‘assoluta’ bħal Malta hekk kif raġel ma jkunx jista’ jagħti d-demm biss jekk ikollu kuntatt sesswali fl-aħħar sena.

Fir-Renju Unit, is-sena l-oħra kien hemm tibdiliet fil-liġi biex issa persuna gay tista’ tagħti d-demm jekk ma kellhiex kuntatt ma’ raġel ieħor fl-aħħar tliet xhur.

L-‘Advisory Committee on the Safety of Blood, Tissues and Organs li jagħti pariri lid-Dipartiment tas-Saħħa tar-Renju Unit, irrakomanda il-bidliet wara li kkonkluda illi s-sistemi ġodda ta’ ttestjar huma preċiżi.

Il-Gvern kien spjega kif id-demm kollu li jingħata b’donazzjoni fir-Renju Unit jgħaddi minn testijiet mandatorji għal Hepatitis B u C u HIV fost oħrajn. Xjentisti li tkellmu mal-BBC qalu illi tliet xhur huwa biżżejjed żmien biex infezzjoni tidher fid-demm.  Fil-fatt il-Professur James Neuberger mill-istess kumitat qal illi “teknoloġiji biex il-preżenza ta’ virus tkun identifikata llum tjiebu ħafna, jiġifieri nistgħu nidentifikaw virus fi stadju ħafna iktar kmieni...”

Il-Kummissarju tal-Food and Drug Association tal-Istati Uniti, f’Diċembru tal-2014 kien ħabbar bidliet ukoll. Fi projbizzjoni totali bħal dik ta’ Malta, għal sitwazzjoni fejn persuna gay tista’ tagħti d-demm biss jekk ma tkunx għamlet kuntatt sesswali fl-aħħar sena.

Intant, lura Malta l-gazzetta ILLUM tinsab infurmata li l-Gvern qed jikkunsidra l-bidliet neċessarji biex ikun jista’ jattwa din il-wegħda elettorali partikolari.

More in Politika