Sant jakkuża lill-Italja li qed tippermetti li immigranti jaqsmu għal Malta

L-Ewroparlamentari saħaq li l-Unjoni Ewropea għandha kriżi istituzzjonali dwar l-immigrazzjoni

Il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew, Alfred Sant, saħaq li s-sistema taż-Żona Xengen qed tagħmilha faċli għall-immigranti li jaqsmu minn pajjiż għall-ieħor tal-UE, meta skont it-Trattat ta’ Dublin dawn għandhom jibqgħu fl-ewwel art tal-UE li jirfsu fuqha.

“L-Italja qed tagħti karta ta’ identità lill-immigranti li jaslu f’pajjiżha, l-awtoritajiet jagħlqu għajnejhom u jħalluhom imorru fejn iridu. Dan wassal biex dawn qed jidħlu faċilment f’Malta. Ftit ilu numru ta’ immigranti li nstabu f’post diżutli imma li għalihom kien tajjeb biex jgħixu fih.... kienu kollha ġejjin mill-Italja.”

Sant qal dan waqt li kien qed jieħu sehem fil-programm  ta’ Emmy Bezzina ‘Il-Parlament tal-Poplu.’

Dr Sant qal l-immigranti li qed jaqsmu minn pajjiż għall-ieħor "hija l-problema li għandha l-UE bħalissa," saħaq Sant. "Teżisti wkoll il-biża’ fost ħafna Ewropej li l-Iżlam ikun akbar mis-sistema Kristjana fl-Ewropa.

'L-Unjoni Ewropea għandha kriżi istituzzjonali'

Kompla jargumenta li l-Unjoni Ewropea għandha kriżi istituzzjonali għax la għandha politika komuni u lanqas risposta komuni dwar l-immigrazzjoni

“Effettivament din hi problema Ewropea. Illum l-ewwel nippruvaw ma nħalluhomx jibdew il-vjaġġ bil-baħar u mbagħad nippruvaw insalvawhom meta jkunu se jegħrqu. Imbagħad tlieta, erba’ jew ħames stati membri tal-UE jippruvaw iqassmuhom bejniethom, skont id-daqs tal-grupp. Imma dan mhux isir bl-istrutturi tal-UE,” kompla Sant.

Kompla jisħaq li l-ftehim ta’ Dublin jgħid li meta immigrant irregolari jew refuġjat jasal f’pajjiż tal-UE u jkun l-ewwel darba li miss siequ mal-art, jibqa’ f’dak il-pajjiż .

"Issa wasalna fi stadju fejn il-Gvern Taljan qed jgħid ċar u tond li ma jridx aktar immigranti għax ma jistax ilaħħaq magħhom.  Aħna wkoll qatt ma qbilna mal-ftehim ta’ Dublin għax Malta ma tistax tilqa’ wasliet ta’ immigranti bla limitu fuq il-gżira żgħira tagħna,” temm jgħid Sant.

More in Politika