Fearne jitlob investigazzjoni dwar l-allegazzjoni li pazjent miet għax ma twassalx Malta fil-ħin

Chris Said allega li minħabba ħsara fil-ħelikopter, pazjent ma twassalx fil-ħin biex jingħata kura intensiva f'Malta

Ritratt imtella' mill-Kap Eżekuttiv tal-Isptar ta' Għawdex ftit wara li kiteb Chris Said
Ritratt imtella' mill-Kap Eżekuttiv tal-Isptar ta' Għawdex ftit wara li kiteb Chris Said

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne talab lis-Segretarjat Parlamentari għas-Saħħa biex jinvestiga dak li qal id-Deputat Nazzjonalista Chris Said, jiġifieri li pazjent Għawdxi tilef ħajtu wara li dam ma twassal Malta minħabba ħsara fil-ħelikopter.

Mal-MaltaToday, Chris Fearne qal li dalgħodu talab lil Joseph Rapa biex immedjatament jinvestiga dawn l-allegazzjonijiet li ġew miċħuda mill-awtoritajiet tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex operat minn Steward Health Care.

Mistoqsin jekk mhux kuntent bl-ispjegazzjoni mogħtija minn Isptart ta’ Għawdex, il-Ministru qali li ngħata spjegazzjoni minn Steward dwar kif ġraw l-affarijiet u talab investigazzjoni.

Chris Said allega li Ġużi Abela, li kellu 72 sena, ma setax jitwassal Mater Dei fil-ħin biex jingħata kura intensive għal attack ta’ qalb għax il-ħelikopter kellu ħsarat.

Madanakollu, il-Kap Eżekuttiv tal-Isptar ta’ Għawdex, Joseph Fenech, ċaħad l-allegazzjonijiet u qal li dawn huma ntiżi biex jallarmaw lill-Għawdxin.

L-istess Fenech tefa’ fuq Facebook divers ritratti tal-ħelikopter u qal li dawn ittieħdu ftit minuti wara li saru l-allegazzjonijiet.

More in Politika