Se jibdew jittieħdu passi kontra min ma jisseparax l-iskart

Il-Gvern se jkun qed iqassam 150,000 kontenitur għar-rimi tal-iskart organiku fid-djar Maltin u Għawdxin

Ritratt | James Bianchi
Ritratt | James Bianchi

Bħalissa qed jitħejja qafas legali li se jkun qed jobbliga lill-familji Maltin u Għawdxin biex jisseparaw l-iskart, bil-għan li jiżdied ir-riċiklaġġ u jonqos l-impatt negattiv fuq l-ambjent.

Ħabbar dan dalgħodu l-Ministru għall-Ambent José Herrera waqt it-tnedija ta’ skema li permezz tagħha l-Gvern se jkun qed iqassam madwar 150,000 kontenitur, fid-djar Maltin u Għawdxin, biex fih jinġabar l-iskart organiku.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru saħaq li din is-sistema l-ġdida se tkun qed iġġorr magħha riperkussjonijiet legali, jiġifieri issa l-familji se jkunu obbligati li jisseparaw l-iskart. Mistoqsi x’passi se jibdew jittieħdu, il-Ministru Herrera qal li bħalissa qed jitħejja qafas legali.

Matul il-konfernza ġie spjegat li f’dan il-kontenitur għandu jinġabar ikel li ma jkunx għadu tajjeb, għadam, ħobż, għaġin u tea bags, fost affarijiet oħra.

L-iskart organiku, li se jitpoġġa f’borża bajda li toqgħod fil-kontenitur, se jkun qed jinġabar tliet darbiet fil-ġimgħa, bil-għan li jibda jintuża għall-ġenerazzjoni tal-gass fl-impjanti tal-iskart u anke biex jintuża bħala fertilizzant għall-ħamrija.I

Il-Ministru Herrera qassam l-ewwel minn dawn il-kontenituri lil familja fil-Ħamrun.

Fakkar li din l-iskema se tkun ibbażata fuq proġett pilota u li fi kliem il-Ministru għamel lill-familji li ħadu sehem aktar konxji dwar l-iskart organiku. Temm jisħaq li s-suċċess tal-proġett pilota jawgura tajjeb biex jiżdied is-separazzjoni tal-iskart u r-riċiklaġġ tiegħu.

More in Politika