'Għawdex ma jistax jinbidel f’Ibiża' - Joe Muscat

L-Assoċjazzjoni għat-Turiżmu Għawdxija tipproponi li l-ECO Tax li tinġabar mill-istabbilimenti turistiċi kollha Għawdxin tibqa’ Għawdex

Nhar il-Ħadd li għadda, din il-gazzetta kitbet dwar l-ilmenti li rċeviet minn għadd ta’ residenti Għawdxin dwar l-istorbju mill-farmhouses li jkollhom jiffaċċjaw, b’mod partikolari f’dan iż-żmien tas-sena.

Is-sindki tal-Għarb u San Lawrenz, David Apap Agius u Noel Formosa, it-tnejn saħqu li din hija problema li qed jiffaċċjaw ir-residenti ta’ kuljum u talbu li jkun hemm aktar kontroll fuq is-sidien.

Apap Agius saħansitra insista li s-sidien tal-farmhouses għandhom jibdew jintalbu jħallsu kontribuzzjoni, l-istess kif jagħmlu s-sidien tar-ristoranti u l-lukandi, biex jagħmlu tajjeb għall-pressjoni li tinħoloq fuq l-irħula, liema fondi mbagħad jintużaw mill-Kunsill għal proġetti ambjentali.

Madanakollu, f’kummenti mal-ILLUM, il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu, Joe Muscat, qal li s-sidien tal-farmhouses diġà jħallsu l-liċenzja tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, li tinkludi l-kontribuzzjoni għar-riklamar, l-ECO Tax, il-VAT, il-liċenzja tal-pixxina u kontribuzzjonijiet oħra.

Dan apparti li meta s-sid japplika għall-permessi meħtieġa mill-Awtorità tal-Ippjanar ikun mitlub iħallas ukoll kontribuzzjoni għall-parkeġġ skont ir-regolamenti stabbiliti u skont kif titlob il-kategorija li taħtha jkun se jopera.

“Il-farmhouses kollha liċenzjati li għandna Għawdex kollha qed iġorru l-piż tal-kontribuzzjoni u taxxi oħra,” saħaq Muscat.

Li qed tipproponi l-Assoċjazzjoni huwa li l-ECO Tax li tinġabar mill-istabbilimenti turistiċi kollha Għawdxin tibqa’ Għawdex biex mal-kontribuzzjonijiet oħra mill-Fond għat-Titjib Urban (tal-parkeġġ), ikunu investiti fi proġetti u inizjattivi favur l-ambjent.

Mistoqsi jekk il-proposta kinitx ippreżentata b’mod uffiċjali, Joe Muscat saħaq li l-Assoċjazzjoni ressqitha aktar minn darba quddiem Ministri u awtoritajiet. Minkejja dan, qal li din il-proposta għadha qatt ma ġiet milqugħa.

“B’din il-proposta kulħadd ikun qed jikkontribwixxi biex jittaffa l-impatt turistiku fuq l-ambjent,” saħaq Muscat. “B’din il-proposta nkunu qed ninvestu l-kontribuzzjonijiet li ġejjin minn stabbilimenti turistiċi f’Għawdex għat-titjib tal-prodott turistiku Għawdxi.”

Ritratt | Alex Buttigieg. Joe Muscat (xellug) mas-Sindku tal-Għarb (lemin)
Ritratt | Alex Buttigieg. Joe Muscat (xellug) mas-Sindku tal-Għarb (lemin)

‘Meta jikri, is-sid mhux dejjem se jkollu kontroll fuq il-proprjetà’

Mistoqsi dwar l-ilmenti tar-residenti dwar l-istorbju, Muscat fakkar kif il- farmhouses jaqgħu taħt il-kategorija tas-self-catering.

“Meta l-operatur tal-farmhouse jkun kera l-proprjetà tiegħu lill-klijent, mhux dejjem ser ikollu aktar kontroll f’dak li jiġri fiha,” spjega Muscat. “Xi drabi jiġri li minkejja li l-proprjetà tkun mikrija lil tmienja min-nies, ikun hemm ġranet meta fil-farmhouse ikun hemm 12 jew 16-il persuna li jinġabru biex jgħumu, jieklu u jiddevertu, anke sas-sigħat bikrin ta’ filgħodu.

Madanakollu qal li meta jinħoloq inkonvenjent għall-ġirien, l-operatur ġieli jkollu jaġixxi huwa personalment u mhux l-ewwel darba li kien hemm min talab l-għajnuna tal-Pulizija.

‘Għawdex ma għandux jinbidel f’Ibiża’

Filwaqt li faħħar il-fatt li Għawdex sar gżira turistika, Joe Muscat insista li ma għandux jinbidel biss f’destinazzjoni magħrufa għad-divertiment. Fi kliemu, Għawdex ma jistax jinbidel f’Ibiża.

“Irridu naraw li nkomplu nippromwovu lil Għawdex bħala destinazzjoni ta’ kwalità fejn tista’ tieħu vaganza għall-kwiet.”

Madanakollu insista li filwaqt li huwa fatt magħruf li t-turiżmu qed iżid in-nies u t-traffiku f’Għawdex, wieħed ma jistax jinjora l-fatt li dan qed iżid ukoll l-attività kummerċjali tal-lokal.

‘40% tat-turisti qed jerġgħu jagħżlu lil Għawdex’

Kien hawn li insista li aktar ma tikber l-ospitalità, aktar se jissaħħaħ dak magħruf bħala ‘Community Tourism,’ li fi kliemu jżid dawk it-turisti li jerġgħu jagħżlu lil Għawdex.

“L-ospitalità tal-Għawdxin qed tissarraf f’ ‘repeat tourism’ li jiħlaq kważi 40% tat-turisti barranin li jżuruna kull sena,” kompla Muscat.

‘L-Għawdxin ma jistgħux jaġixxu daqslikieku qed jgħixu waħedhom’

Waqt li s-Sindku tal-Għarb qal mal-ILLUM li Għawdex ma għandux l-infrastruttura neċċessarja biex jilqa’ għat-turiżmu kollu, Joe Muscat insista li l-Għawdxin jeħtieġ jifhmu li mhux qed jgħixu aktar waħedhom.

“Ma nistgħux nibqgħu nieħdu deċiżjonijiet u niskartaw ir-realtajiet li qed ngħixu f’Għawdex. Kif jista’ kunsill lokali jipprovdi servizz ta’ ġbir tal-iskart bla ma jagħmel defferenza bejn id-domanda ta’ Jannar u dik ta’ Awwissu? Kif nistgħu nkomplu niżviluppaw u ma naħsbux għal spazji ta’ parkeġġi?

Kien għalhekk li temm jappella biex kull lokalità f’Għawdex ikollha masterplan għaċ-ċentru tar-raħal li jiġbor fih ippjanar bil-għaqal.

More in Politika