Għawdex; 450 farmhouse għall-kiri; 20 oħra jistennew il-liċenzja

Bejn Jannar u Lulju ta’ din is-sena, ittieħdu passi fuq disa’ proprjetajiet li kienu qed jinkrew mingħajr il-liċenzja meħtieġa tal-MTA

Xi drabi ma hemmx isbaħ milli tqatta’ tlett ijiem għall-kwiet fil-Gżira Għawdxija, kemm jekk ġo farmhouse, lukanda jew inkella xi appartament żgħir u komdu, insomma għall-akkomodazzjoni ma tantx hemm għal xiex tinkwieta. Minn ċifri li kisbet il-gazzetta ILLUM, miġbura mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, jirriżulta li f’Għawdex hemm 451 farmhouse u 625 appartament illiċenzjati.

L-istess ċifri juru kif mill-2014 ’l hawn, jiġifieri f’ħames snin, ingħataw 344 liċenzja għal dawk magħrufa bħala ‘Holiday Furnished Premises.’

Apparti dawn, hemm ukoll 14-il applikazzjoni għal farmhouses li huma pendenti u waslu għall-aħħar approvazzjoni. Hemm ukoll sitt applikazzjonijiet li qed jistennew għax se jsiru spezzjonijiet ulterjuri wara li l-farmhouses kellhom xi nuqqasijiet u s-sidien intalbu jirranġawhom.

Disa’ farmhouses kienu qed jinkrew mingħajr permess

Mistoqsija jekk qattx kien hemm rapport ta’ farmhouses li kienu qed jinkrew mingħajr liċenzja, kelliema għall-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) saħqet li mhux l-ewwel darba li rriżulta li kien hemm sidien li qed jikru mingħajr permess.

Din is-sena, l-MTA rċeviet żewġ ilmenti. Il-proċedura titlob li jsiru spezzjonijiet u jekk ikun hemm bżonn tinħareġ multa. Min ma jħallasx il-multa tinħariġlu Ordni ta’ Infurzar biex ikun żgurat li jieqaf jikri.

Apparti r-rapporti, l-MTA twettaq ukoll spezzjonijiet spontanji. Bejn Jannar u Lulju ta’ din is-sena, inħarġu disa’ ‘Administrative Fine Notices’ u żewġ ‘Enforcement Notices’ fuq proprjetajiet li kienu qed jinkrew mingħajr permess.

Tul l-2017, kien hemm disa’ sidien oħra li weħlu multa għall-istess raġuni.

More in Politika