Żieda ta’ ’l fuq minn 13,000 li xtraw onlajn, bil-maġġoranza jkunu rġiel

Ix-xiri onlajn qed iħalli impatt negattiv fuq uħud mill-istabbilimenti, jitkellmu s-sidien

B’għafsa ta’ buttuna llum il-ġurnata nistgħu nagħmlu x-xirjiet tagħna bi ħlas li jsir fi ftit sekondi. Tant il-proċess hu wieħed mgħaġġel li lanqas tinduna jekk tkunx tassew infaqt flusek jew le! Suq enormi fejn wieħed isib kulma jista’ jimmaġina bi ftit tfittxija fuq il-kompjuter, tablet u anke mowbajl. Dan kollu mill-kumdità ta’ darek stess mingħajr il-biża’ li tieħu xi xemxata fis-sajf jew ċmajra fix-xitwa

 L-ebda inkwiet li se teħel fit-traffiku u jilħaq jagħlaqlek il-ħanut għax tista’ anke tagħmel ix-xirja tiegħek matul il-lejl! Jekk l-ordni saritx min-naħa l-oħra tad-dinja jew l-aktar pajjiż viċin, ix-xirja tiegħek tasal quddiem il-bieb tad-dar. Dan il-proċess sar wieħed popolari għal bosta Maltin li jippreferu jixtru mill-kumdità ta’ darhom.

Informazzjoni maħruġa mill-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) turi li Malta, Ċipru, il-Lussemburgu u l-Awstrija huma l-aktar pajjiżi Ewropej li għandhom l-akbar ammont ta’ konsumaturi li jixtru onlajn mingħand bejjiegħa barranin. Iżda bħal kollox, mhux kulma jleqq hu deheb.

Kemm–il darba ma tirċevix dak li tkun ordnajt? Jew forsi l-ħwejjeġ ma jkunux il-qies it-tajjeb? Apparti minn hekk ġieli jkollok tistenna iktar fit-tul milli suppost sabiex tirċievi x-xirja tiegħek, speċjalment jekk ikun iż-żmien tal-festi fejn miljuni ta’ nies madwar id-dinja jkunu qed jagħmlu x-xirjiet tar-rigali onlajn.

L-MCCAA tgħidilna li ċ-Ċentru Ewropew għall-Konsumatur f’Malta (ECC Malta) irrapporta żieda ta’ lmenti ta’ xerrejja Maltin li xtraw minn bejjiegħa fl-Unjoni Ewropea. Dawn il-fatturi jaqtgħu qalb xi wħud, b’hekk jagħżlu li x-xirjiet tagħhom jibqgħu jagħmluhom minn ħwienet lokali, bil-vantaġġ li jistgħu jmissu b’idejhom u jaraw b’għajnejhom dak li beħsibhom jonfqu l-flus fuqu.

Bosta stabbillimenti lokali anke daħħlu sistema fejn klijenti jagħmlu x-xirja tagħhom mill-kumdità ta’ darhom b’servizz ta’ ‘delivery’ inkluż.

Il-ħajja saret wisq mgħaġġla jew sirna bla paċenzja?

Informazzjoni ppubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatisistika ta’ Malta turi li 175,200 persuna, akkwistat oġġetti jew xtrat xi tip ta’ servizz onlajn fl-2017. B’żieda ta’ ftit ’il fuq minn 13,000 persuna meta mqabbla mas-sena ta’ qabel. Dan ir-riżultat jirrifletti wkoll żieda fl-ammont ta’ nies li jagħmlu użu mill-internet hekk kif fl-2017 kien hemm żieda ta’ aktar minn 16,000 fuq is-sena ta’ qabel. Għalkemm in-nisa huma magħrufin li jħobbu jagħmlu x-xiri, l-istatistika turi li l-maġġoranza ta’ xiri onlajn isir mill-irġiel.

Dan hekk kif 89,972 persuna li xtrat oġġetti jew servizzi onlajn kienu rġiel fl-2017 u dawk nisa kienu 85,228. Fl-2016 kien hemm distakk ta’ iktar minn 9,000 bil-maġġoranza terġa’ tkun tal-irġiel. L-etajiet l-aktar popolari għax-xiri onlajn huma dawk bejn il-25 u l-34 sena. L-inqas li jagħmlu użu minn dawn is-servizzi huma dawk bejn il-55 u l-64 sena. Il-ħwejjeġ u oġġetti tal-isports kienu l-aktar popolari max-xerrejja fl-2016 u l-2017. Fit-tieni post kienu dawk tal-akkomadozzjonijiet tal-vaganzi.

‘Onlajn irħas, u varjetà ħafna ikbar…’

Skont stħarriġ li għamlet l-ILLUM għall-għan ta’ dan l-artiklu fejn staqsiet l-opinjoni tal-pubbliku, juri li l-maġġoranza tan-nies jixtru onlajn ftit drabi fis-sena. Ftit inqas minn nofs il-parteċipanti jixtru ħwejjeġ u affarijiet tal-isports filwaqt li 21% jixtru materjal tal-edukazzjoni. 13% rrispondew li onlajn jixtru affarijiet kosmetiċi.

Meta ġew mistoqsija għaliex jagħżlu li jixtru onlajn minflok minn ħanut lokali, il-maġġoranza wieġbu li jagħmlu dan minħabba li onlajn hemm aktar varjetà ta’ prodotti li huma irħas u aktar konvenjenti. Waħda mit-tweġibiet kienet li onlajn faċli aktar li ssib ħwejjeġ orħos u tal-moda għall-qisien akbar. Uħud ukoll wieġbu li jagħżlu li jixtru onlajn għax iktar komdu u jsibu jixtru affarijiet li ma jsibux Malta.

Oħrajn wieġbu li jiffrankaw mill-inkwiet tal-parkeġġ u li x-xiri onlajn jieħu inqas ħin. Donnha llum il-ġurnata l-fiduċja fl-internet hi waħda b’saħħitha ħafna hekk kif l-ILLUM staqsiet jekk jikkunsidrawx ix-xiri onlajn bħala wieħed sigur 98% wieġbu favur. Għalkemm, f’mistoqsija separata, nofs il-parteċipanti wieġbu li ġieli esperjenzaw xi tip ta’ problema waqt ix-xiri tagħhom onlajn.

Ir-riżultati wrew li 36% esperjenzaw dewmin u 22% wieġbu li rċievew prodotti żbaljati. Problemi oħra li sabu xi wħud kienu li ma jaslilomx dak li jkunu ordnaw jew inkella jirċevuh b’xi difett.

Dan l-istħarriġ sar fost 50 persuna fuq jumejn u permezz ta’ Facebook.

Jekk dawn in-nies kollha qegħdin jagħżlu li jagħmlu x-xirjiet tagħhom onlajn, kif qed jintlaqtu dawk bi ħwienet żgħar?

L-ILLUM staqsiet sidien ta’ ħwienet żgħar biex tara aktar mill-qrib is-sitwazzjoni preżenti ta’ dawn in-negozji. Sid ta’ ħanut tal-ħwejjeġ li ilu jopera għall-bosta snin stqarr magħna li ra differenza kbira f’dawn l-aħħar seba’ snin.

“Ix-xogħol naqas drastikament” ikompli jgħid is-sid. Dan kien evidenti hekk kif lanqas persuna waħda ma kienet tidher fil-ħanut, fl-eqqel tas-sajf meta ħafna jkunu qegħdin bil-vaganzi.

Sidt ta’ ħanut ieħor bi ħwejjeġ tal-okkażżjoni, wieġbet li x-xiri onlajn ma ħalliex impatt negattiv fuq in-negozju tagħha. Kompliet tgħid li minħabba li t-tip ta’ ħwejjeġ li tbigħ huma dawk tal-okkażżjoni, il-maġġoranza tan-nies ikunu jridu jipprovaw qabel jixtru.

Sidt ta’ ħanut ieħor b’affarijiet tal-aċċessorji, wieġbet li wkoll rat differenza sostanzjali f’dawn l-aħħar snin. Is-sidt saħqet magħna li jkollha wkoll klijenti li jqabblu l-prezzijiet tagħha ma’ dawk onlajn li jkunu irħas.

Qalet ukoll li, minħabba li l-ħlas tal-posta hu wieħed relattivament baxx, in-nies se jibqgħu jixtru mill-internet minflok mis-suq lokali. Is-sidien li tkellmet magħhom din il-gazzetta, qegħdin jużaw l-internet sabiex jippromovu l-prodotti b’tama li aktar nies iżuru n-negozji tagħhom.

Li tixtri onlajn dejjem konvenjenti?

Konvenjenti? Forsi mhux daqshekk. Skont il-Consumer Conditions Scoreboard, Malta kien l-aktar pajjiż fl-Unjoni Ewropea li rrapporta problemi fuq kunsinna (delivery) b’63.4%. L-MCCAA tgħidilna li madwar 20% tal-problemi li ltaqgħu magħhom konsumaturi Maltin li xtraw onlajn fl-2017, kienu jikkonċernaw prodotti difettużi. Ilmenti oħra li rċievew l-ECC Malta kienu li prodotti ma jaslux kif ikunu ordnati.

Dawn jammontaw għal madwar 10%. Ilment ieħor li kien komuni fost il-konsumaturi Maltin b’persentaġġ ta’ 14% kien, li l-bejjiegħa barranin jirrifjutaw li jibagħtu l-prodott lejn Malta jew saħansitra jimponu ħlasijiet addizzjonali sabiex jasal Malta. Minkejja dan, 1% biss tal-ilmenti li rċieva l-ECC fl-2017, kienu kontra bejjiegħa lokali li joffru servizz jew ibigħu l-prodotti tagħhom onlajn

Kun af xi drittijiet għandek meta tixtri onlajn!

Id-drittijiet mhux biss meta tixtri minn Malta. Jekk ġieli sibt lilek innifsek bejn ħaltejn dwar xi drittijiet għandek meta tixtri onlajn, għandek issib din l-informazzjoni li ġiet mogħtija lilna mill-MCCAA utli.

  1.  Il-konsumatur għandu dritt għall-informazzjoni dwar l-identità tal-bejjiegħ u fejn jista’ jikkomunika miegħu b’mod effiċjenti f’każ li tinqala’ problema bix-xiri li jkun sar.
  2. Prodotti esebiti onlajn għandhom ikunu mmarkati bi prezz li jinkludi t-taxxi u l-ispejjeż postali, meta applikabli.
  3. Il-konsumatur għandu dritt li jiġi provdut b’informazzjoni fuq kif irid isir l-ħlas tal-oġġetti jew servizzi mixtrija u dwar il-kunsinna tal-prodotti.
  4. Il-konsumatur għandu dritt għall-kanċellazjoni tax-xiri. Dan id-dritt jibqa’ jgħodd sa 14–il ġurnata mid-data meta l-oġġett mixtri jasal għand ix-xerrej. F’każ ta’ servizzi, dan id-dritt japplika minn meta jiġi ffirmat il-kuntratt għax-xiri tas-servizz. Il-konsumatur m’għandux obbligu li jagħti raġuni għaliex iddeċieda li jikkanċella x-xiri. Jekk din l-informazzjoni ma tiġix ipprovduta lill-konsumatur, skont il-liġi, il-perjodu sakemm il-konsumatur jista’ jikkanċella l-kuntratt tax-xiri, jiġi estiż sa sena jew 14–il ġurnata mid-data meta l-konsumatur jiġi infurmat b’dan id-dritt.
  5. Meta konsumatur jixtri prodott onlajn u dan il-prodott jirriżulta difettuż jew mhux kif deskritt mill-bejjiegħ, il-konsumatur għandu l-istess drittijiet legali daqslikieku l-istess oġġett inxtara minn ħanut. Dan ifisser li l-konsumatur jista’ jitlob rimedju mingħajr ħlas mingħand il-bejjiegħ.

Madankollu, jekk ma tilħaqx ftehim mal-bejjiegħ tista’ tgħaddi l-ilment tiegħek fuq is-sit www.eccmalta.gov.mt la darba qiegħed tixtri minn bejjiegħ li jinsab Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea. Jekk l-ilment tiegħek jikkonċerna xiri onlajn minn bejjiegħa lokali u ma tkunx ilħaqt ftehim mal-bejjiegħ, għandek tgħaddi l-ilment tiegħek fuq is-sit elettroniku tal-MCCAA www.mccaa.org.mt .

Għal aktar informazzjoni dwar xi drittijiet għandek bħala konsumatur tista’ tibgħat email fuq [email protected] .

More in Politika