Il-kaptan tal-Lifeline jmexxi funeral 'simboliku' sal-Qorti

Claus-Peter Reisch, li qed ikun akkużat fil-Qorti b’reġistrazzjoni rregolari tal-bastiment, li permezz tiegħu kien salva 234 immigrant

Ritratt | James Bianchi
Ritratt | James Bianchi

Membri tal-ekwipaġġ tal-bastiment MV Lifeline u anke tas-Seawatch 3, it-tnejn maqbuda Malta, mxew minn Kastilja sa quddiem il-Qorti b'tebut bil-bandiera tal-Unjoni Ewropea fuqu.

Fuq quddiem nett mexa l-Kaptan tal-bastiment MV Lifeline, Claus-Peter Reisch, li qed ikun akkużat fil-Qorti b’reġistrazzjoni rregolari tal-bastiment, li permezz tiegħu kien salva 234 immigrant.

Membri tal-ekwipaġġ qalu li 'l-funeral falz' għamluh biex ifakkru 'l-mewt' tal-leġislazzjoni tal-Unjoni Ewropea.

Ritratt | James Bianchi
Ritratt | James Bianchi

Huma qed jipprotestaw ukoll id-deċiżjoni tal-Gvern Malti li ma jħallix dawn il-bastimenti milli jħallu Malta biex isalvaw l-immigranti. Il-Gvern qed jinsisti li ż-żewġ bastimenti ma kinux irreġistrati kif suppost.

Ir-Reġistratur Ġenerali tal-Bastimenti Merkantili fi Transport Malta, Ivan Sammut, kien saħaq li l-bastiment Lifeline kellu biss ċertifikazzjoni minn klabb tal-jottijiet fl-Olanda u dan bl-ebda mod ma jfisser li l-bastiment kien qed itajjar il-bandiera Olandiża, kif insista kemm-il darba l-ekwipaġġ.

Kien saħaq li bastiment mingħajr nazzjonalità ma jistax ibaħħar b’ibħra internazzjonali

More in Politika