'Kont taħt il-karozza u bdejt nara kollox, bdejt ngħajjat; Ieqaf! Ieqaf!'

Il-Kuntistabbli Simon Schembri jagħti xhieda xokkanti tal-mumenti illi kien taħt karozza, jitkaxkar u jissielet għal ħajtu

Dalgħodu fil-Qorti beda jixhed il-Kuntistabbli Simon Schembri li esperjenza attakk li ħallieh kważi mejjet. Fil-każ kontra l-akkużat, Liam Debono, Schembri qal illi malli ra l-karozza tat-tip Mercedes bil-ħġieġ 'tinted' mill-ewwel ġieh suspett. Ħabbat mal-ħġieġa u sab lill-akkużat bilqiegħda bis-'seat' imniżżel u mingħajr seatbelt f'liema punt irrimarkalu li lanqas seatbelt ma kellu. 

Schembri kompla jixhed kif qal lil Debono biex isegwieh bil-karozza sal-eqreb roundabout. Jgħid illi l-akkużat kien qed isuq qisu kien qiegħed fuq xi sufan. Mill-ewwel induna li s-sewwieq ma kienx se jieqaf mal-ġenb biex ma jostakolax it-triq u reġa' għamillu sinjal. Liam Debono pparkja tefa' fil-ġenb bl-addoċċ minkejja l-ordinijiet li tah Schembri. Dan filwaqt li ma kellux dokumentazzjoni.

Huwa xehed kif l-akkużat qallu tliet darbiet wara xulxin, 'u ajma ħallini'. Kuntistabbli ieħor tal-Pulizija kien xehed li meta qalulu dwar il-kundizzjoni ta' Simon Schembri, Liam Debono kien wieġeb: "Ħeqq, m'hemmx x'tagħmel."

Schembri jispjega kif mar biex jiċċekkja in-number plate u f'daqqa waħda jara l-karozza ġejja lejh. Ġie fuq in-naħa ta' quddiem tal-karozza, ipprova jżomm mal-wipers imma żelaq u ġie taħt il-karozza. 

Schembri jiddeskrivi x-xena tiegħu innifsu taħt il-karozza. "Kont taħt il-karozza u bdejt nara kollox...bdejt ngħajjat; Ieqaf! Ieqaf! X'għamiltlek ħażin? Ħassejt ġismi qisu qed idub, ħassejt li qed tiġrili xi ħaġa ħażina ħafna..." 

"F'daqqa waħda tirt minn taħt il-karozza u ġejt wiċċi 'l fuq. Ma stajtx nieħu nifs. Bdejt nikkonċentra biss biex nieħu n-nifs. Kont naf li jekk ma nagħmilx dan kont se mmut."

F'punt minnhom il-Maġistrat Joe Mifsud, li qed jisma' l-każ, jgħid li jmissna nirringrazzjaw lill-Alla li għandna pulizija bħal Schembri li jieħdu azzjoni meta xi ħaġa tkun ħażina. "Jeħtieġ nipproteġu s-soċjetà," qal il-Maġistrat ftit wara li l-Avukat Difensur (li qed jidher għall-akkużat) Franco Debono staqsa għalfejn il-pulizija ma resaqx meta ra l-karozza ġejja lejh. 

Schembri qal li ma setax jimmaġina li Debono ma kienx se jobdi l-ordnijiet tiegħu. 

Debono irrimarka illi hu kellu klijent li kien qatel lil xi ħadd u dan ingħata ħelsien mill-arrest, bil-Maġistrat jirrispondi illi bil-mistoqsijiet tiegħu l-Avukat donnu qed jimplika li l-pulizija missu żamm il-bogħod u ma ndaħalx.

 

More in Politika