Medja ta’ 2,000 ħaddiem barrani fis-sena – JobsPlus

Ħafna jinsistu li pajjiżna tilef il-kontroll ta’ min dieħel u ħiereġ. Imma Clyde Caruana jfakkar li dawk minn pajjiż barra l-UE jgħaddu minn għarbiel rigoruż. L-ILLUM tirrapporta...

F’dawn l-aħħar ġranet, bħal fl-aħħar ġimgħat reġgħet qamet il-kwistjoni tal-immigranti u kull darba li tqum din il-kwistjoni ħafna persuni fuq il-midja soċjali jinsistu illi kulħadd dieħel u ħiereġ pajjiżna mingħajr ebda forma ta’ kontrolli. Imma dan minnu? Veru li kulħadd dieħel u ħiereġ pajjiżna mingħajr ebda skrutinju qabel jingħata l-permess tax-xogħol?

L-ILLUM tkellmet ma’ Clyde Caruana li jmexxi l-Aġenzija Jobsplus u li iktar kmieni din is-sena ħabbret illi se tkun qed ‘timporta’ madwar 30,000 ħaddiem barrani, minn pajjiżi terzi (barra l-Unjoni Ewropea) sabiex jimlew postijiet tax-xogħol li m’hawnx biżżejjed ħaddiema biex jimlewhom. Imma allura l-Jobs Plus se taqbad 30,000 persuna barranija u ġġibhom pajjiżna mingħajr ebda skrutinju?

‘Aħna ma nimportawx ħaddiema...’

Caruana huwa ħerqan biex jiċċara illi l-Jobsplus mhi se ‘timporta’ ebda ħaddiema minn barra. “Aħna la ġibna u lanqas qatt nistgħu nġibu ħaddiema barranin. Li tagħmel JobsPlus huwa tiffaċilita l-proċess illi permezz tiegħu jiġu l-ħaddiema.”

Caruana sostna illi Jobsplus titkellem ma’ aġenziji simili fil-pajjiżi minn fejn ikunu ġejjin il-ħaddiema, biex minn hemm tieħu stampa ta’ x’tip ta’ ħaddiema hemm li qed ifittxu x-xogħol. B’hekk JobsPlus ikollha stampa ta’ liema tip ta’ impjieg hemm domanda qawwija għalih f’dak il-pajjiż, liema domanda mhux qed tintlaħaq minħabba nuqqas ta’ xogħol u kemm hemm ħaddiema li lesti jagħmlu dak ix-xogħol.

Minn hemmhekk imbagħad Jobsplus tkellem lill-impjegaturi  Maltin u tinfurmahom dwar kemm huma l-ħaddiema disponibbli u f’liema settur.

Clyde Caruana
Clyde Caruana

‘Il-Pulizija jagħmlu l-iskrutinju...mhux Jobs Plus’

Caruana spjega pass, pass kif inhu l-proċess illi bih persuna barranija minn pajjiż barra l-UE ssib xogħol f’pajjiżna. Qabel iżda fakkar li, “hawn qed nitkellmu dwar ħaddiema minn pajjiżi terzi, mhux mill-Unjoni Ewropea għax dawn għandhom kull dritt li jiġu pajjiżna u jaħdmu hawn mingħajr ma jgħaddu mill-ebda proċess ta’ skrutinju.”

Jispjega mbagħad illi, kuntrarjament għall-perċezzjoni, kull ħaddiem jgħaddi minn proċess rigoruż bl-applikazzjoni tiegħu tidher quddiem tliet entitajiet; Identity Malta, Jobsplus u l-Pulizija.

Caruana jispjega kif Identity Malta tgħaddi l-applikazzzjoni għand Jobsplus u l-Pulzija. Min-naħa tagħha l-aġenzija tara jekk hix ġustifikata t-talba tal-impjegatur għall-ħaddiema barranin, jiġifieri jaraw (fost oħrajn) jekk kienx hemm attentati oħrajn biex jimpjega Maltin u jekk iva għalfejn dawk l-attentati fallew.

U ġieli kien hemm sitwazzjonijiet fejn il-JobsPlus ħasset li t-talba tal-impjegatur ma kinitx ġustifikata? Caruana jwieġeb fil-pożittiv u jgħid illi madwar 5% tal-applikazzjonijiet mill-impjegaturi ma jkunux aċċettati.

Mal-ILLUM Caruana jiżvela illi kull sena pajjiżna jkollu medja ta’ 2,000 ħaddiem barrani minn pajjiżi barra l-UE li japplikaw biex isibu impjieg f’pajjiżna. Dan allura jfisser illi mal-100 applikazzjoni jiġu miċħuda kull sena.

Caruana ċċara illi minkejja kull idea l-kontra, biex ħaddiem minn barra l-UE jiġi jaħdem Malta hemm proċess rigoruż li jdum bejn sitt u tmien ġimgħat.

“Tant hu rigoruż li ħafna drabi l-impjegaturi jgergru li l-proċess jieħu wisq żmien.”

Intant l-applikazzjoni tgħaddi mingħand Jobsplus għal għand l-Ambaxxata minn fejn tkun ippubblikata l-Visa meħtieġa biex il-persuna taħdem f’pajjiżna. Caruana jisħaq illi huwa xogħol il-Pulizija li permezz tal-kuntatti tagħha tevalwa l-kondotta tal-persuna li qed tapplika, għalkemm qal ukoll li kien hemm ċirkostanzi fejn il-proċess kollu jitwaqqaf mill-Ambaxxata minħabba raġunijiet diversi, fosthom ta’ sigurtà.

Huwa temm ifakkar lil din il-gazzetta illi huwa importanti li kull diskussjoni dwar ħaddiema barranin f’pajjiżna issir f’kuntest illi madwar 70% minnhom ġejjin minn pajjiż fl-UE u allura għandhom kull dritt jgħixu u jaħdmu f’pajjiżna.

U dawk li jidħlu pajjiżna illegalment?

Għal mument qasir Caruana jagħmel referenza għall-immigranti li din il-ġimgħa ħafna tkellmu dwarhom, dawk l-immigranti li nstabu f’razzett.

Caruana jfakkar illi dawn ma jistgħux jaħdmu Malta u jekk kellhom impjieg dan kien illegali.

Huwa jfakkar illi ladarba dawn ingħataw l-ażil mill-Italja, għalkemm kellhom dritt ikunu Malta, ma kellhomx dritt jaħdmu hawn.Għandhom biss dritt jaħdmu l-Italja.

More in Politika