Aktar minn 211,000 persuna jagħżlu lil Għawdex għal Santa Marija

In-numru ta’ passiġġiera abbord il-Gozo Channel żdied b’4% meta mqabbel mal-2017

Matul il-ġimgħa ta' Santa Marija, xejn inqas minn 211,007 persuna u 56,528 vettura qasmu l-fliegu.

F'din il-ġimgħa, il-kumpanija Gozo Channel operat xejn inqas minn 742 vjaġġ bejn il-gżejjer, liema vjaġġi kienu qed jiġu operati mingħajr skeda biex il-kumpanija tlaħħaq mad-domanda ta’ kull min għażel lil Għawdex biex iqatta’ fiha l-btajjel tas-sajf.

Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana saħqet li kkumparat mas-sena l-oħra, il-kumpanija Gozo Channel esperjenzat żieda fin-numru ta’ passiġġieri u vetturi li qasmu lejn Għawdex.

Fil-fatt, in-numru ta’ passiġġiera żdied b’4% filwaqt li n-numru ta’ vetturi żdied b’6%.

Il-Ministru Caruana rringrazzjat lill-management u l-ħaddiema tal-Gozo Channel tas-servizz tagħhom matul dawn il-jiem waqt li saħqet li l-Ministeru hu impenjat biex Għawdex ikun verament attrazzjoni turistika unika. Irrimarkat kif għall-wirja tal-biedja u s-snajja, jew kif inhi magħrufa aħjar, il-Wirja ta’ Santa Marija, hu stmat li attendaw ’il fuq minn 13,000 persuna. 

Joe Muscat, CEO tal-Gozo Tourism Association, qal li din il-ġimgħa hi kkunsidrata minn bosta bħala l-aħjar ġimgħa tas-sena għat-turiżmu iżda minn stħarriġ li tagħmel l-Assoċjazzjoni jirriżulta li Għawdex sar destinazzjoni mfittxija matul is-sena kollha.

More in Politika