L-NGO Sea Watch tappella lill-Gvern Malti biex ma jibqax 'jipperikola l-ħajjiet tan-nies'

...tfakkar illi minkejja li l-liġijiet ġew osservati l-vapur Sea Watch 3 għadu maqbud f'pajjiżna...

"Waqt li l-vapur Aquarius tħalla jitlaq mill-port tal-Belt Valletta...il-vapur tas-Sea-Watch 3 ilu jinżamm milli jitlaq għal 51 jum minkejja li l-kundizzjonijiet kollha legali huma osservati u r-reġistrazzjoni hija disponibbli." 

Hekk sostniet l-NGO Seawatch li appellat ukoll lill-Gvern Malti biex "ma jkomplix jipperikola l-ħajjiet umani" filwaqt li qalet illi l-fatt li l-vapur mhux qed jitħalla jitlaq mill-port hija azzjoni motivata politikament. 

B'hekk Sea Watch hija t-tieni entità li għamlet din l-akkuża f'temp ta' ġimgħa, b'Amnesty International takkuża lil Malta illi falliet milli tassigura s-sigurtà u l-ħajja tal-immigranti fuq id-dgħajsa Sarost 5, li spiċċat fl-ibħra tat-Tuneżija. Amnesty International stqarret li t-Tuneżija ma jistax jitqies bħala posrt sigur. 

L-NGO saħqet illi tibqa' inkwetata u mħassba b'dawk li ssejjaħ bħala azzjonijiet sistematiċi kontra dawk kollha li jsalvaw ħajjet il-bniedem. "Anke jekk l-NGOs u d-dgħajjes kollha tagħhom ikunu qed joperaw, xorta jkollna nuqqas ta' mezzi biex jissalvaw l-immigranti kollha fuq il-baħar...il-Gvern Malti, bl-għajnuna tal-Unjoni Ewropea mhumiex ikkonċernati dwar is-saltna tad-dritt. Din hija kampanja politika għas-spejjeż ta' nies fil-bżonn," allegat Sea Watch.  

Johannes Bayer membru tal-bord tas-Sea Watch sostna illi l-politiċi Ewropej "qed itaptpu fuq dahar xulxin talli ddaħħlu n-nies li kienu fuq l-Aquarius, bil-PM Malti jitkellem dwar dan bħala eżempju konkret ta' solidarjetà, imma din ma jixraqilhiex tissejjaħ suċċess meta kull refuġjat qed jkun abbużat u vapuri tas-salvataġġ mhux qed jitħallew isalvaw in-nies," sostniet l-NGO li fakkret kif "il-fatt illi ħames vapuri baqgħu għaddejjin minn ħdejn dgħajsa li kellha nies fil-bżonn u li kienu jeħtieġu salvataġġ, turi l-irresponsabilità tal-politika tal-Unjoni Ewropea."

More in Politika