Il-Qorti tilqa' t-talba ta' Delia biex ir-rikors dwar l-inkjesta 'Egrant' jinstema' b'urġenza

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista talab lill-Avukat Ġenerali biex jgħaddilu l-kopja sħiħa tal-inkjesta Egrant, iżda dan ma' aċċettax...

Ir-rikors kostituzzjonali li ppreżenta l-Kap tal-Partit Nazzjonalista u l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia biex l-Partit Nazzjonalista jingħata kopja sħiħa tal-inkjesta tal-Maġistrat Aaron Bugeja, se jinstema’ b’urġenza.

Dan hekk kif dalgħodu l-Imħallef Robert Mangion qal illi din il-materja jeħtieġ tinstema' b'urġenza.

Kien il-Kap tal-PN Adrian Delia illi fetaħ dan ir-rikors wara li talbiet biex l-Avukat Ġenerali jgħaddi l-kopja sħiħa tal-inkjesta tal-Maġistrat Aaron Bugeja, ma kienux milqugħa. Delia qal illi jekk l-Oppożizzjoni ma jkollhiex ir-rapport kollu f'idejha tkun qed tinħoloq sitwazzjoni illi fiha jkun hemm żbilanċ politiku fuq materja hekk importanti. Delia saħaq illi l-Gvern, bir-rapport tal-inkjesta kollu f'idejh, ikollu informazzjoni li l-Oppożizzjoni m'għandhiex.

Meta ressaq ir-rikors, Delia kien talab illi dan jinstema' b'urġenza minħabba n-natura sensittiva tal-kwistjoni. 

Minn naħa tiegħu l-Avukat Ġenerali sostna illi l-unika raġuni għalfejn ġew ippublikati l-konklużjonijiet tal-inkjesta, kelma b'kelma, kien minħabba n-natura sensittiva tal-każ. Fakkar illi l-PM ingħata kopja sħiħa minħabba li kien hu li talab li ssir l-inkjesta, kif jiġri dejjem, jiġifieri li l-persuna li titlob l-inkjesta tingħata kopja sħiħa. 

Kemm Delia imma wkoll il-PM Joseph Muscat talbu li din l-inkjesta tkun ippublikata kollha. Jidher li informazzjoni dwar terzi li hemm fl-inkjesta qed twaqqaf il-publikazzjoni tal-inkjesta, b'diversi pariri legali differenti quddiem l-Avukat Ġenerali. 

More in Politika