L-AĠ jopponi li jinstema' b'urġenza r-riskors ta' Delia dwar ir-rapport Egrant

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista akkuża lill-Avukat Ġenerali Peter Grech li qed jabbuża mill-poter tiegħu

Il-Partit Nazzjonalista qed jisħaq li l-Avukat Ġenerali qed jabbuża mill-poter tiegħu meta ma jridx li l-Qorti tiddeċiedi b'urġenza r-rikors Kostituzzjonali li ressaq il-Kap tal-Oppożizzjoni, Adrian Delia, biex jingħata kopja sħiħa tar-rapport imħejji mill-Maġistrat Aaron Bugeja dwar l-inkjesta Egrant.

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista saħaq li l-Avukat Ġenerali wieġeb li m'hemmx urġenza biex il-Qorti tisma' r-rikors Kostituzzjonali u insista li jekk il-Qorti tagħti raġun lill-Oppożizzjoni dan ikun ifisser li ntilef ħafna aktar żmien li qatt ma jista' jiġi rkuprat. 

"L-Avukat Ġenerali żbilanċja ruħu b'mod sfaċċat favur il-Gvern," insista l-Partit Nazzjonalista. 

Kompla jtenni li d-deċiżjoni tal-Avukat Ġenerali li ma jagħtix kopja sħiħa tal-inkjesta lill-Kap tal-Oppożizzjoni tmur ukoll kontra l-Kostituzzjoni ta' Malta u kontra l-Konvenzjoni Ewropea, filwaqt li qed toħloq żbilanċ politku serju bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni.

"L-iżbilanċ politiku li qed joħloq l-Avukat Ġenerali meta jippersisti li ma jagħtix kopja sħiħa tal-inkjesta tmur kontra l-prinċipju tat-trasparenza u l-interess nazzjonali.," tkompli l-istqarrija.

Il-Partit Nazzjonalista kompla jinsisti li bid-deċiżjoni tiegħu, l-Avukat Ġenerali qed jostakola l-mod kif il-Kap tal-Oppożizzjoni jeżerċita dmirijietu skont il-liġi. Insista li meta mhux jingħata r-rapport, Adrian Delia qed jinkisirlu dritt tiegħu li jirċievi u jingħata aċċess għall-informazzjoni skont il-kariga li jokkupa bil-Kostituzzjoni.

L-istqarrija ttemm tinsisti li l-Prim Ministru u l-Kap tal-Partit Laburista għandu kopja sħiħa tal-inkjesta tal-Maġistrat Bugeja, iżda l-Kap tal-Oppożizzjoni u l-Kap tal-Partit Nazzjonalista m'għandux. 

'Delia qed ikompli jinħakem minn ta' qablu'

F'reazzjoni, il-Partit Laburista saħaq li l-Kap tal-Oppożizzjoni ddikjara hu stess li l-konklużjonijiet tal-inkjesta Egrant huma ċari u li fil-proċess, li l-Prim Ministru impenjat li jippubblika, m’hemm xejn li jista’ jibdel dawn il-konklużjonijiet.

Insista li Delia kien jemmen dan ukoll iżda meta, fi kliem il-PL, Delia ċeda għal Busuttil, spiċċa jitkellem bl-istess lingwa tiegħu

"Adrian Delia għandu jifhem li l-attakki fuq l-Avukat Ġenerali ma jtuhx kontroll tal-partit iżda jgħinu biss biex ikompli jinħakem minn ta’ qablu għax jidher bħalu," ittemm tgħid l-istqarrija.

More in Politika