Fl-2017 l-awtoritajiet kienu diġà jafu bil-pajp li kien qed jarmi ħmieġ fir-Rinella

Dan qalu d-Deputat Glenn Bedingfield li rringrazzja lill-awtoritajiet li nhar is-Sibt li għadda neħħew il-pajp 

Id-Deputat Laburista Glenn Bedingfield saħaq li s-sena li għaddiet l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi kienet ħarġet avviż biex jitneħħa l-pajp taħt il-Forti Ricasoli li kien qed jarmi likwidu iswed mimli dud mejjet fil-bajja tar-Rinella.

Madanakollu, dan il-pajp tneħħa biss nhar is-Sibt li għadda wara li diversi residenti tal-Kottonera kkummentaw u wrew it-tħassib tagħhom dwar it-tniġġis li kien qed joħroġ fl-uniku bajja fl-inħawi.

Bedingfield kiteb dan fuq Facebook waqt li rringrazzja lill-awtoritajiet li ħadu passi wara r-rapporti li dehru, anke fuq il-faċċata tal-gazzetta ILLUM u li kienu juru dan il-likwidu iswed, mimli dud.

Fuq Facebook, Bedingield li kien minn tal-ewwel li kkundanna dan l-att, saħaq li nhar is-Sibt li għadda stess, kemm l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, kif ukoll id-Dipartiment tas-Sanità, ħadu azzjoni u tneħħa l-periklu li kien hemm.

Jidher li l-ilma li kien qed joħroġ minn dan il-pajp ma kienx ta' ebda periklu, madanakollu, xi ħadd li għadu mhux magħruf, tefa' ħut mejjet fl-inħawi u niġġeż il-baħar.

More in Politika