Issa uffiċjali: Cyrus Engerer jitfa' l-applikazzjoni biex ikun kandidat tal-PL fl-2019

Engerer mistenni jkun kandidat tal-PL (mill-ġdid) fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew li ser issir fl-2019...

Cyrus Engerer
Cyrus Engerer

Cyrus Engerer daħħal l-applikazzjoni tiegħu fil-Partit Laburista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew tas-sena d-dieħla.  In-nominazzjoni tiegħu kienet issekondata mid-Deputat Prim Ministru Chris Fearne, d-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Chris Cardona, l-Ministru Ian Borg, il-Membru Parlamentari Glenn Bedingfield u l-Koordinatur Reġjonali tal-Partit Laburista f’Għawdex, is-Sinjura Ġuza Cassar.

F’filmat qasir, Cyrus Engerer qal li “il-Maltin iridu nies fi Brussell li ma jieqfux jaħdmu favur Malta.  Jien dejjem imxejt ma’ dak li talabni l-Prim Ministru Joseph Muscat u ghalhekk matul dawn l-aħħar erba’ snin, irrapreżentajtu fl-istituzzjonijiet Ewropej.  Issa talabni nagħmel il-pass li jmiss.  B’determinazzjoni għidtlu Iva.  Wasal iż-żmien biex nużaw il-kuntatti li ksibna matul dawn l-aħħar erba’ snin, b’mod dirett fil-Parlament Ewropew biex naħdmu għal Maltal-Ewwel.”

Cyrus Engerer għandu 36 sena u gradwa fl-Istudji Ewropej mill-Univerista’ ta’ Malta.  Wara li rebaħ scholarship, hu kiseb Masters fil-Politika Ewropea mill-Kulleġġ tal-Ewropa fil-Belġju.  Għal dawn l-aħħar erba’ snin serva bħala r-Raprezentat tal-Prim Ministru Joseph Muscat fi Brussell, fejn waqt il-Presendiza Maltija mexxa r-relazzjonijiet u kien in-negozjatur tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea mal-Parlament Ewropew.  Qabel ħadem f’diversi dipartimenti u entitajiet fuq il-Politika u l-Fondi tal-Unjoni Ewropea.

Din hija t-tieni darba li Engerer se jkun qed joħroġ għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, mill-2013. F'dik tal-2014 iżda kellu jirtira wara każ privat fil-Qorti bejnu u l-eks sieħeb tiegħu dwar tixrid ta' materjal pornografiku. . 

Għal snin hu kien jimmilita mal-Partit Nazzjonalista, sakemm ma baqax jappartjeni dan il-partit minħabba differenzi fuq ċerti kwistjonijiet, speċjalment dwar drittijiet lil persuni LGBTIQ. Huwa kien wieħed mill-mira favorita tal-Partit Nazzjonalista, hekk kif il-Prim Ministru Joseph Muscat kien iddeskriva lil Engerer bħala 'suldat tal-azzar' wara l-attakki politiċi li saru fuqu u fuq il-familja tiegħu fl-aħħar snin. 

More in Politika