Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija Kummerċjali

Il-Gvern jagħti €1.1 miljun aktar lill-Knisja

Skont ir-rapport finanzjarju annwali tal-Arċidjoċesi, il-Knisja żiedet id-dħul tagħha iżda żdiedet ukoll in-nefqa

Yendrick Cioffi / 10 t'Awwissu 2018 12:02
Matul is-sena li għaddiet il-Gvern żied il-kontribuzzjonijiet li jagħti lill-entitajiet tal-Knisja b'€1.1 miljun. Fost l-entitajiet li jgawdu minn dawn il-kontribuzzjonijiet hemm diversi djar tat-tfal u anke l-Caritas.

Dan intqal dalgħodu waqt li l-Kurja ppreżentat ir-rapport finanzjarju tagħha għas-sena li għaddiet.

Fl-2017, l-Arċidjoċesi rreġistrat tnaqqis ta' €1.4 miljun fis-surplus nett meta fis-sena ta' qabel kienet irreġistrat surplus ta' €1.8.

Is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi, Michael Pace Ross, spjega kif l-infieq żdied ukoll "b’riżultat tal-impenn kontinwu li jitjiebu s-servizzi pastorali," liema impen nġab miegħu żieda fl-impjegati fl-entitajiet kollha tal-Arċidjoċesi.

Il-Knisja żżid id-dħul b'€2.1 miljun iżda żżid in-nefqa

Ġie spjegat kif iż-żieda fl-infiq kienet possibbli minħabba żieda fid-dħul ta’ €2.1 miljun. Iż-żieda ta’ kważi €500,000 fil-ġbir u d-donazzjonijiet mill-pubbliku għamlet tajjeb għat-tnaqqis fid-dħul minn fundraising ta’ ftit aktar minn €200,000.

Fil-fatt, skont ir-rapport, ġiet irreġistrata żieda sinifikanti fid-donazzjonijiet, bil-fattur ewlieni jkun il-kontribuzzjonijiet tan-nies għall-proġetti speċifiċi. Id-dħul mill-investiment żdied b’riżultat ta’ dividend ogħla mill-APS Bank.

Apparti minn hekk, id-dħul mill-miżati tar-residenti fid-djar tal-anzjani żdied primarjament b’riżultat tal-ftehim ta’ Sħubija Pubblika Privata (PPP).

Ġiet irreġistrata wkoll żieda fl-ispejjeż operattivi marbuta mas-servizzi offruti mill-Arċidjoċesi u  anke fl-infiq għar-restawr u l-konservazzjoni fuq il-proprjetà u l-opri tal-arti.

Il-Knisja tħallas €1.1 miljun f'taxxa

Is-sena li għaddiet, il-Knisja ħaddmet magħha 1,209 persuni, li 883 minnhom kienu fuq bażi full-time. Minbarra dawn l-impjegati lajċi, l-Arċidjoċesi pprovdiet remunerazzjoni lil 262 saċerdot djoċesani.

Matul l-istess sena, il-ħlas annwali tat-taxxa ammonta għal €1.1 miljun.

Pace Ross temm jgħid li aktar ma jgħaddi żmien aktar qed jiżdiedu dawk li jagħżlu li jaħdmu mal-Knisja u b’hekk tagħmilha possibbli li din toffri servizz aktar professjonali.

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook