'Baqa' jistenna l-invit għall-party sal-aħħar ġurnata iżda baqa' b'xejn'

Nickie Vella De Fremeaux tirrakonta kif binha ż-żgħir qed ikun eskluż minn 'ħbieb kbar' minn kemm ilhom involuti fil-politika

Il-mara tal-Kap tal-Oppożizzjoni, Nickie Vella De Fremeaux, f'post imqanqal fuq Facebook, irrakkuntat kif qed iħossu t-tifel iż-żgħir tagħha meta fl-iskola qed ikun imwarrab u eskluż minn dawk li darba kienu 'ħbieb kbar' u dan minn mindu missieru daħal fil-politika.

Tirrakkonta kif binha mar id-dar b'qalbu maqsuma u jitlobha ċċempel omm ħabib tiegħu għax kien hu l-uniku student fil-klassi li ma kienx mistieden għal party, sempliċiment għax missieru huwa min hu.

De Fremeaux tisħaq kif binha mingħalih li l-invit tiegħu ntilef, iżda tinsisti li hi ilha li nnutat li binha u anke huma, qed jingħataw il-ġenb minn persuni li sa ftit żmien ilu kienu ħbieb kbar tagħhom u li t-tfal tagħhom minn jaf kemm-il darba raqdu għandhom, qabel ma' Adrian Delia sar il-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

"Nistaqsi lill-ġenituri u lil dawk li jrabbu t-tfal kif iħossuhom meta jaraw lil binhom iż-żgħir jistenna sal-aħħar ġurnata biex jingħata invit ta' party li iżda jibqa' ma jasal qatt. Immaġina lil ibnek jibki u jitolbok biex iċċempel lil omm it-tifel li għandu l-party għax mingħalih li l-invit tiegħu ntilef...ma setax jifhem kif l-akbar ħabib tiegħu ma stidnux," saħqet Nickie Vella De Fremeaux waqt li rrakuntat kif binha ħassu mkisser u konfuż. "L-aħħar ġurnata waslet...it-tfal l-oħra litteralment ħarbu minn ibni u ħallewh hemm waħdu."

Ftit tal-jiem ilu, anke mart il-Prim Ministru Michelle Muscat irrakkuntat fuq kemm iż-żewġt ibniet tagħha ġew ibbuljati fl-iskola fiż-żmien l-allegazzjonijiet li Egrant kienet kumpanija tagħha u kif anke dawn ġieli ġew esklużi minn parties tal-ħbieb.

More in Politika