Alfred Sant jirrimarka kif l-Arċisqof għadu ma qalx kelma fuq Egrant

L-MEP Laburista jgħid li lilu, li l-Arċisqof jitkellem fuq l-attwalità politika ma ddejqux, iżda jirrimarka kif fuq Egrant l-Arċisqof għadu tkellimx

L-Arċisqof Charles J Scicluna u Alfred Sant
L-Arċisqof Charles J Scicluna u Alfred Sant

Alfred Sant qal illum li l-mistoqsija etika dwar il-fabbrikazzjoni tal-Egrant tibqa’ kif wieħed jista’ jiġġustifika kampanja ta’ malafama kontra l-Prim Ministru u l-mara tiegħu fuq l-iskala li ġiet addottata, "meta fi kwalunkwe każ l-evidenza kienet sa mill-bidu nett nieqsa mis-sustanza. L-allegazzjonijiet qawwija saru biex jimminaw għal kollox l-integrità tal-Prim Ministru u martu, barra milli jesponu lilhom u lil familthom għad-disprezz ġenerali. L-allegazzjonijiet irriżultaw ibbażati fuq l-ebda evidenza, anzi in parti fuq “provi” falsifikati."

 Sant qal li s-saga tal-Egrant li għadha tidwi, qajmet għadd ta’ mistoqsijiet ta’ ordni etiku, politiku u legali li jintilfu fis-saħna tal-argumenti mqanqla bejn talanqas tliet naħat.

“Min għamel u xandar l-allegazzjonijiet kien jaf li m’hemmx evidenza jew li kienet falza? Jekk iva, l-atti li daħal għalihom kienu jammontaw għal konfoffa kriminali? Jekk le, wettaq xi ħidma biex jivverifika l-allegazzjonijiet? Jekk ma wettaqx, wera imprudenza kriminali. Jekk wettaq u ġie mqarraq, ir-responsabbiltajiet politiċi li jġorr huma enormi.”

Sant qal li mix-xellug jibqa’ suspett fondat, li fit-tmexxija tal-Knisja Maltija dejjem kien hemm u baqa’ sentiment li jqarreb ħafna aktar favur il-PN milli l-Partit Laburista.

“Rari kkummentajt dwar dil-ħaġa – li dejjem tiġi miċħuda mill-Kurja – għax ħlief f’inħawi tal-Amerika Latina tiġri kważi kullimkien fejn il-Knisja Kattolika ilha stabbilita.”

 Sant qal li l-Arċisqof attwali beda linja li fejn iħoss il-bżonn, jikkummenta dwar l-attwalità politika u ekonomika, anke b’mod kontroversjali.

“Lili ma dejjaqnix imma kien hemm uħud speċjalment mix-xellug li tfantsu, peress li fil-biċċa l-kbira tagħhom, il-kummenti tiegħu dehru li kienu kritiċi għall-gvern u ċerti attivitajiet tiegħu. Dil-ħaġa forsi kienet tiftiehem għax il-Knisja, kif kellha kull dritt tagħmel, ħarġet kontra bil-kbir l-aħħar riformi fil-liġi tal-IVF. Biss kien minnu li l-kummenti kritiċi arċiveskovili marru lil hinn sew minn dil-kwistjoni.”

 Sant qal li uħud milli tfantsu ikkummentaw kif dwar il-każ tal-Egrant bl-implikazzjonijiet tiegħu ftit li xejn smajna min-naħa tal-Kurja.

“Hawn għandhom raġun. Sa meta qed nikteb dan, sa fejn naf jien l-uniku kumment li deher kien fil-“Leħen is-Sewwa” tal-aħħar tmiem il-ġimgħa fejn tliet kummentaturi lajċi ntalbu fehmiethom.” irrimarka l-MEP Laburista

More in Politika