Il-PD jitlob għar-riżenja ta' Clint Camilleri minħabba l-ħmieġ mill-fish farms

Fi stqarrija l-Partit Demokratiku insista li s-Segretarju Parlamentari mhu qed jagħmel xejn biex jimponi regulazzjoni jew monitoraġġ

Is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri
Is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri

Il-Partit Demokratiku qed isejjaħ għar-riżenja tas-Segretarju Parlamentari għas-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Clint Camilleri wara li skont il-partit baqa' sieket u ma ħax azzjoni neċċessarja biex l-ibħra Maltin jibqgħu nodfa u jinżammu standards għoljin.

Il-PD ħareġ din l-istqarrija fid-dawl ta' diversi rapporti li f'diversi bajjiet qed jidher mill-ġdid ħmieġ li ġej mill-fish farms waqt li saħaq li minkejja "l-iskandlu tat-tniġġis tal-baħar fl-2016," minħabba l-industrija tat-tonn, is-Segretarju Parlamentari baqa' ma impona l-ebda regulazzjoni jew monitoraġġ.

Hu fatt li l-ibħra tagħna ma jifilħux aktar irziezet tat-tonn, għax il-limitu li tiflaħ l-ekosistema naturali tagħna intlaħqet, u saħansitra inqabżet

"It-twissija riċenti tal-Ministru Josè Herrera li l-industrija tal-akkwakultura għandha tieqaf tniġġes l-ibħra tagħna tindika li l-Istrateġija Nazzjonali tal-Akkwakultura 2014-2025 mhux qed tiġi onorata bil-ħsieb," kompla jisħaq il-PD. "L-Awditur Ġenerali nnifsu avża li din l-attività ekonomika qed thedded l-ekosistemi u żoni ta’ konservazzjoni marittimi. Imma tabilħaqq in-nuqqas ta’ azzjoni tal-gvern titkellem waħedha."

L-istqarrija tfakkar ukoll li s-Sovratendent tas-Saħħa Pubblika għandu d-dover josserva mill-qrib u joħroġ twissijiet temporanji billi jwaqqaf l-għum f’bajjiet kontaminati bil-ħama u ħmieġ ieħor ġej mill-akkwakultura.

Spjega kif it-tonn jinqabad f’Ġunju mill-ibħra miftuħa tal-Mediterran, jinżamm f’gaġeġ, jitħaxxen fl-irziezet tal-ħut, u f’Ottubru jinqatel u jiġi esportat. "Dan il-perjodu jaħbat eżatt fl-istaġun turistiku u hekk kif tunnellati ta’ ħama u ħmieġ ieħor huma prodott tal-industrija, dan it-tniġġis huwa inevitabbli jekk ma jinżammewx standards straodinarjament stretti."

Tenna wkoll il-pożizzjoni tiegħu kontra li jingħata permess ġdid għall-applikazzjoni (PA 02175/18) li qed titlob li razzett tat-tonn jirdoppja n-numru ta’ gaġeġ għal 24.

"Hu fatt li l-ibħra tagħna ma jifilħux aktar irziezet tat-tonn, għax il-limitu li tiflaħ l-ekosistema naturali tagħna intlaħqet, u saħansitra inqabżet," ittemm tgħid l-istqarrija. 

More in Politika