16% tal-votanti Nazzjonalisti fl-2017 illum jafdaw aktar lil Muscat

....Muscat imbuttat 'l quddiem b'ammont ta' Nazzjonalisti li jippreferu lilu milli lil Delia, jirriżulta mill-aħħar sondaġġi

Muscat iktar fdat minn Delia
Muscat iktar fdat minn Delia

Iż-żewġ mexxejja politiċi huma meqjusin bħala l-aktar karta elettorali importanti u effettiva. Fil-fatt, fl-2008 minkejja li r-riżultat tal-elezzjoni kien wieħed qrib ħafna bejn il-PN u l-PL, rebaħ il-mexxej politiku li kien l-aktar fdat (f'dan il-każ Lawrence Gonzi). 

Mill-aħħar sondaġġ li sar mill-kamra tal-aħbarijiet tagħna (Mediatoday) u li kien ippublikat nhar il-Ħadd jirriżulta li l-PM u Mexxej Laburista Joseph Muscat huwa fdat minn 53.9% tal-votanti, filwaqt li l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia huwa fdat biss minn 14.8% mill-votanti. Kważi 11% ma jafdaw lill-ebda wieħed u 20.5% ma jafux. 

Interessanti huwa l-fatt illi Muscat, filwaqt li huwa fdat minn 86.7% tal-Laburisti, jingħata l-imbutattatura deċiżiva minn 16.3% ta' dawk li fl-2017 ivvutaw PN imma li llum qed jgħidu li jafdaw aktar lil Joseph Muscat. 

Delia, minn naħa l-oħra għandu l-appoġġ ta' 34.3% ta' dawk li vuutaw PN fl-aħħar elezzjoni ġenerali, filwaqt li 21% ta' dawk li vvotaw PN fl-2017 la jafdaw lil Muscat u lanqas lil Delia. Ftit iktar minn 28% tal-votanti Nazzjonalisti fl-2017 ma jafux lil min jafdaw l-aktar. 

Dawn iċ-ċifri qed juru illi l-qasma fil-ħsieb dwar il-Kap tal-PN, fil-PN hija waħda ċara bi kważi nofs dawk li vvutaw lill-PN ma jagħtux appoġġ lil Delia. 

Dan l-istħarriġ sar ftit wara li kienu ippublikati l-konklużjonijiet tal-inkjesta Egrant. Juri wkoll li hemm moviment ta' switchers li qed ibiddlu il-preferenza tal-vot tagħhom. 

Ara kif il-Partit Laburista qiegħed bi swing ta' 12,000 fost l-iswitchers il-ġodda mill-elezzjoni 2017. 

More in Politika