Franco Debono jinsisti li Jonathan Ferris kien assistit minn avukat

Ifakkar lil Occupy Justice li dan id-dritt daħlu l-Partit Laburista wara li kien hu li ġġieled għalih

B'reazzjoni għall-istqarrija ta' Occupy Justice, l-Avukat Franco Debono insista li l-eks uffiċjal tal-Financial Intelligence Analysis Unit, Jonathan Ferris, kien assistit minn Avukat waqt li kien qed jiġi interrogat mill-Pulizija.

L-aħbar li Ferris intalab imur id-Depot biex ikun interrogat ħarġet dalgħodu, jiem wara li l-pubblikazzjoni tal-inkjesta Egrant li fiha rriżulta li ma hemm xejn li jorbot lill-Prim Ministru, lil martu jew lil familtu mal-kumpanija fil-Panama.

Wara li ħarġet din l-aħbar, fi stqarrija, Occupy Justice ddeskrivew l-interrogazzjoni bħala "persekuzzjoni politika" anke għax Ferris kien talab li l-interrogazzjoni tkun posposta sakemm l-avukat tiegħu jasal mis-safar, talba lill-Pulizija rrifjutat u li skont l-istess Ferris kien mhedded b'arrest jekk ma jmurx id-Depot.

Madanakollu, Franco Debono qed jinsisti li Ferris kellu miegħu lill-Avukat Kris Busietta waqt l-interrogazzjoni.

"Dan hu dritt li ġġilidt għalih fil-Parlament. Kien introdott mill-Partit Laburist u li sal-aħħar ġurnata ta' GonziPN ma kienx jeżisti," saħaq Debono. "L-oppressjoni kienet fi żmien meta n-nies arrestati ma kellhomx id-dritt li jkunu assistiti minn avukati fid-depot tal-pulizija. Żminijiet koroh u medjavali," kompla jinsisti l-eks Deputat.

More in Politika