Il-Gvern idaħħal emendi għal aktar 'għajnuna effettiva' lill-vittmi tad-droga

102 persuni kienu referuti għall-Bord ta’ Riabilitazzjoni wara li kienu waqgħu fil-vizzju tad-droga, fl-2017

 “Bil-pubblikazzjoni u d-dħul fis-seħħ illum ta’ liġi li testendi l-applikabbiltà tal-għajnuna li tingħata lil min jinħakem mill-vizzju tad-droga, qed iseħħ pass ieħor fil-proċess ta’ riforma ta’ liġijiet fil-qasam kriminali”, qal il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici.

Abbażi tal-esperjenza miksuba f’dawn l-aħħar tliet snin minn mindu daħlet fis-seħħ ir-riforma fil-liġijiet tad-droga, l-emendi li daħlu fis-seħħ illum se jsaħħu l-poteri tal-Bord ta’ Riabilitazzjoni ta’ Persuni li Nqabdu bid-Droga biex dan il-bord ta’ esperti jkun jista’ jagħti għajnuna aktar effettiva lil dawk li jkunu qed jagħmlu l-almu tagħhom biex joħorġu mill-vizzju tad-droga li jkun daħħalhom fil-kriminalità.

Bis-saħħa ta’ dawn l-emendi, iktar vittmi tad-droga akkużati b’reati kriminali se jkunu jistgħu jitolbu li jidhru quddiem il-bord ta’ riabilitazzjoni. Se jkun ukoll iċċarat li persuni jistgħu jiġu riferiti lil dan il-bord ukoll mill-Qorti fi grad ta’ appell u dan wara sentenzi kostituzzjonali f’dan is-sens.

Ta’ min jinnota li fil-perjodu Jannar 2017 - Diċembru 2017, total ta’ 45 każ ġew riferuti lil dan il-bord. Minn dawn, 10 ġew riferuti għall-Bord tal-Qorti tal-Ġustizzja u 35 ġew riferuti għall-Bord tal-Kummissarju għall-Ġustizzja. Sal-aħħar ta’ Diċembru 2017 l-ammont totali ta’ 102 persuna ġew riferuti għall-Bord ta’ Riabilitazzjoni ta’ Persuni li Nqabdu bid-Droga.

F’parti oħra tal-pakkett ta’ emendi ġie msaħħaħ iktar id-dritt tal-preżunzjoni tal-innoċenza billi ġew regolati aħjar xi stqarrijiet jistgħu u ma jistgħux isiru minn awtoritajiet pubbliċi meta persuna tkun għadha ma ġietx pruvata ħatja. B’hekk se jissaħħaħ ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem f’dan il-qasam anke fid-dawl ta’ direttivi Ewropej.

Il-Gvern mhux se jieqaf jimplimenta bidliet għal sistema aħjar tal-ġustizzja.

More in Politika