Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

L-MUT terġa ssostni l-pożizzjoni tagħha kontra stampar ċentralizzat għall-għalliema kollha

....L-għalliema se jibdew jistampaw (photocopying) il-materjal kollu għall-lezzjonijiet fl-istamperija tal-Gvern...l-MUT tgħid li dan se jimpinġi fuq l-awtonomija tal-għalliem

Albert Gauci Cunningham / 17 ta' Lulju 2018 10:22
Permezz ta’ komunikazzjoni li ntbagħtet fl-iskejjel, jidher biċ-ċar li l-Ministeru ser jestendi l-proġett pilota dwar l-istampar fl-iskejjel kollha tal-istat. Dan ser ifisser li l-edukaturi kollha fl-iskejjel tal-istat ser ikollhom jagħmlu użu mill-istamperija tal-Gvern għal kull karta li jkunu jridu jistampaw. Jidher ċar ukoll li dan hu każ ieħor fejn proġett pilota ma ġiex evalwat u minflok ser jiġi estiż bla ebda konsultazzjoni. Dan filwaqt li għal darb'oħra ma ngħatax widen għall-oġġezzjonijiet kollha li saru mill-edukaturi waqt li l-proġett kien qed ikun pilotat f’xi skejjel.

Is-sistema li ser tkun qed tiġi implimentata ser ikollha impatt fuq l-awtonomija professjonali tal-edukaturi u l-iskejjel u ser titfa lil kulħadd f’sistema ta’ ipprintjar ċentralizzat. L-MUT tisħaq li din id-deċiżjoni ser tkun ta’ piż kbir fuq l-edukaturi, b’mod partikolari dawk l-għalliema, KGEs u LSEs li jaddattaw ix-xogħol tagħhom skont l-abbiltajiet tal-istudenti minn lezzjoni għal oħra. Ir-restrizzjonijiet permezz tal-użu tal-istamperija tal-Gvern ifissru li l-għalliema ser ikunu jistgħu jagħmlu stampar biss ta’ materjal li jiġi ppreparat minn diversi jiem qabel il-lezzjoniiet u dan ifisser li ma jista' jsir l-ebda addattament tal-istess materjal. Dan ser ifisser ukoll li l-għalliema mhux ser ikunu jistgħu jilħqu lill-istudenti kollha permezz ta’ materjal stampat u addattat għal  livelli differenti  tal-istudenti fejn, wisq probabli, l-aktar li jbatu huma dawk l-istudenti li l-aktar ikollhom għajnuna individwali.

Barra minn dan, fi sfond fejn matul is-sena skolastika li tibda f’Settembru li ġej fejn ser ikun hemm tibdiliet fis-sillabi u fl-assessjar, din is-sistema ta’ stampar ċentralizzat ser toħloq sitwazzjoni iktar diffiċli għall-edukaturi. Fost id-diffikultajiet wieħed jista’ jsemmi li min qiegħed jordna l-istampar lanqas biss ser ikollu kuntatt ma’ min qed jagħmillu x-xogħol u lanqas ikun jaf f’liema ħin tal-ġurnata dan ser jitwassal lilu. Dan jista’ jwassal sabiex edukatur ikun ippjana li jkollu l-materjal f’idejh għal lezzjoni partikolari u dan ma jasalx fil-ħin jew ma jkunx kif l-edukatur xtaqu.

Ta' min isemmi wkoll li l-proġett pilota, għalkemm kien jinvolvi biss numru żgħir ta’ skejjel, xorta waħda l-edukaturi esperjenzaw diversi diffikultajiet fis-servizz fosthom li l-istess stamperija ma bdietx tlaħħaq mat-talbiet tal-stampar fejn email iddedikat kien qed ikun imblokkat minħabba n-numru ta’ emails li kienu qed jintbagħtu, dewmien fis-servizz, xogħol medjokri u ta’ kafkaf u diffikultajiet oħra. Għaldaqdstant wieħed jistaqsi x'ser jiġri hekk kif minn ftit skejjel is-servizz ser jiġi estiż għall-iskejjel kollha speċjalment meta dawn id-diffikultajiet ġodda setgħu ġew evitati jekk l-edukaturi jkomplu jużaw sistemi diġà preżenti li ilhom is-snin jaqdu l-bżonnijiet tagħhom b’mod effiċjenti.

Fl-aħħar nett, ta' min wieħed ifakkar li l-Ministeru qed juża ċirkulari li kienet ħarġet mal-25 sena ilu sabiex jiġġustifika d-deċiżjoni li l-ipprintjar ser isir kollu għand l-istamperija tal-Gvern. Din iċ-ċirkulari ilha ma tiġi kkwotata snin u diversi Ministeri oħra ilhom snin twal jużaw servizzi oħra ta’ ipprintjar. Dan minħabba l-fatt magħruf li l-istess stamperija kellha defiċjenzi kbar matul is-snin u l-prodott kien ta' standard inferjuri ferm, liema defiċjenzi u standards jidher li issa huma aċċettabbli għall-materjal ipprovdut mill-għalliema għall-istudenti. Min ħa d-deċiżjoni biex fl-iskejjel tiġi implimentata din iċ-ċirkulari jrid jorbot idejn l-edukaturi waqt li qegħdin jippruvaw jagħmlu x-xogħol professjonali tagħhom u żgur li m’għandux idea tar-realtajiet u l-ħtiġijiet fl-iskejjel. L-MUT mhix ser taċċetta din is-sitwazzjoni u ser tkun qed tiddikjara tilwima industrijali mal-Ministeru jekk din is-sitwazzjoni mhix ser tkun solvuta.

Albert Gauci Cunningham, 32 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook