Tagħna biss bla bezzun? L-ikel b’xejn fuq titjiriet fl-Ewropa

Il-bezzun fuq l-arjuplan dejjem iqajjem xi ftit ta’ għagħa... imma l-Airmalta vvintat ir-rota meta waqfet tagħti l-ikel b’xejn? X’għamlu kumpaniji tal-ajru l-oħrajn fuq titjiriet qosra? L-illum tagħti ħarsa...

Dak il-bezzun....kemm qala' polemika!
Dak il-bezzun....kemm qala' polemika!

Is-settur tal-avjazzjoni sar wieħed b’kompetizzjoni ħarxa. Il-miġja tal-‘low cost’ kienet tfisser illi kumpaniji, bħal-linja nazzjonali tal-ajru l-Airmalta, bdew jiffaċċjaw kompetizzjoni minn linji tal-ajru oħrajn li kienu qed joffru prezzijiet in-nofs (jekk mhux inqas ukoll) ta’ dawk li kienu qed joffru huma. Il-miġja ta’ dawn il-linji tal-ajru, imma speċjalment Ryanair u Easyjet, fetħet il-bibien għal ħafna Maltin li forsi ma tantx kienu jsiefru minħabba prezzijiet irħas, imma wkoll tefgħet lil-linji tal-ajru bħall-Airmalta f’sitwazzjoni xejn tajba. Ħafna bdew jabbandunaw il-linja nazzjonali, għal dak li ħassew illi jaqbel iktar għal buthom.

Huwa f’dan il-kuntest li saru diversi riformi biex l-Airmalta tiġi fuq saqajha, anke wara li għal snin kienet trattata bħal kull entità tal-Gvern u fiha ddaħħlu ħafna ħaddiema, uħud skont il-bżonn u oħrajn skont il-konvenjenza politika.

Din il-ġimgħa bħala parti mill-programm ta’ ristrutturar inqata’ għalkollox l-ikel mingħajr ħlas minn fuq it-titjiriet tal-Airmalta, aħbar mogħtija mill-Ministru Konrad Mizzi u li ntlaqgħet b’diżappunt minn xi wħud li tawha għall-midja soċjali biex jikkritikaw il-fatt li dan l-imbierek bezzun mhux se jibqa’ jkun servut fuq titjiriet tal-Airmalta.

Fid-dawl ta’ dan, il-gazzetta ILLUM tat ħarsa lejn x’qed jiġri f’dan is-settur u x’jagħmlu kumpaniji oħrajn bħal dik tal-Airmalta fuq titjiriet li jkunu short haul, jiġifieri li jdumu sa mhux wisq aktar minn tliet sigħat u li allura jkopru distanzi qosra. Għall-fini ta’ dan l-eżerċizzju qed ninkludu biss passaġġi “normali”, jiġifieri economy class.

 

Ryanair
Ryanair

Għandek il-ġuħ? Ħallas.....

Fuq ajruplan Ryanair, l-ebda ikel jew xorb mhu b’xejn fuq it-titjiriet kollha (Ryanair tagħmel titjiriet short-haul biss). Imma jekk vera jaqbdek il-ġuħ u tkun trid dak il-bezzun, tista’ fil-fatt tixtri “ikla” sħiħa għal €10. Bezzun, xarba mhux alkoħolika bħal luminata f’bott żgħir ħafna u xi pakkett żgħir tal-ħelu. Jew inkella tista’ tixtri panina għal €5.50.

Ryanair qatt ma offrew ikel bla ħlas.

Easy jet
Easy jet

Trid tiekol? Ixtri...

Fuq titjitra ta’ Easyjet, l-ebda ikel jew xorb mhu b’xejn. Jekk qabdek il-ġuħ u vera għandek aptit bezzun, se jiswik €7 bħala parti minn “ikla” li tikkonsisti minn dan il-bezzun u xarba luminata u xi pakkett tal-ħelu.

Easyjet qatt ma offrew ikel bla ħlas.

British Airways
British Airways

Kienu jservu imma m’għadhomx

Il-kumpanija British Airways kienet toffri ikel fuq titjiriet qosra imma m’għadhiex. Fil-fatt il-kumpanija ddeċidiet li tagħti s-servizz tal-ikel lil Marks&Spencer u min ikun fuq titjiriet qosra jeħtieġ iħallas għalihom.

Imma jekk jaqbdek il-ġuħ dejjem tista’ tieħu ‘bacon roll’ għall-prezz ta’ €5.36.

L-Editur tas-sezzjoni tal-vjaġġi fuq it-Telegraph kien qal li bit-tneħħija ta’ ikel b’xejn m’għadx hemm differenza bejn il-British Airways u titjiriet oħrajn ma’ kumpaniji low cost.

 

Aeroflot
Aeroflot

B’xejn wara tliet sigħat...

F’titjira fuq ajruplan tal-kumpanija tal-ajru Russa Aeroflot, ma tingħatax ikel jekk it-titjira tkun ‘short haul.’ Fil-fatt din il-kumpanija toffri ikel biss lil dawk il-passiġġieri li jkollhom titjiriet li jkunu itwal minn tliet sigħat.

Imma jekk trid, din il-kumpanija tal-ajru għandha menù vast.

 

Aerlingus
Aerlingus

Titjira fl-Ewropa... trid tħallas biex tiekol!

Anke l-kumpanija tal-ajru u l-linja nazzjonali Irlandiża Aer Lingus toffri ikel, imma biss f’titjiriet tranżatlantiċi. F’każi ta’ titjiriet fl-Ewropa hemm menù li minnu tista’ tixtri ikel differenti.

Pereżempju, ‘meal deal’ b’sandwich jew bezzun u li jinkludi xarba u pakkett jew biċċa ħelu tiswik €7.50.

 

Alitalia
Alitalia

F’titjiriet twal biss...

Bħall-oħrajn ta’ qabel l-Alitalia ma toffrix ikel b’xejn fuq titjiriet qosra, għalkemm toffri te, kafè u anke ilma b’xejn għal dawk li jkunu jixtiequ.

Fuq titjiriet twal l-Alitalia toffri ikla jew tnejn (skont it-tul tat-titjira b’xejn).

 

TAP Portugal
TAP Portugal

Ikel għal kulħadd b’xejn

Il-linja nazzjonali tal-ajru Portugiża hija waħda mill-ftit kumpaniji tal-ajru Ewropej li għadhom jagħtu ikel b’xejn, anke lil dawk li jkun fuq titjiriet li huma qosra.

Is-sit tal-kumpanija juri illi tista’ tgawdi minn kull tip ta’ ikla, dejjem skont il-ħin tat-titjira, u mingħajr ħlas. Hemm kolazzjon, l-ikla ta’ nofisnhar u l-ikla ta’ filgħaxija. 

 

Airmalta
Airmalta

Kellna l-bezzun... issa trid tixtri

L-AirMalta ilha tnaqqas l-ammont ta’ ikel b’xejn, sakemm ftit snin ilu kien hawn diskussjoni sħiħa dwar dan l-imniefaħ bezzun u l-kwalità tiegħu. Din il-kwistjoni waslet biex din il-ġimgħa kien imħabbar li l-Airmalta, bħal kumpaniji oħrajn inkluż linji nazzjonali, mhux se tibqa’ sservi ikel fuq l-ajruplan.

 

 

Turkish Airlines
Turkish Airlines

Ikla ggarantita mal-linja nazzjonali Torka...

Turkish Airlines jagħtu attenzjoni partikolari lejn l-ikel li jkun servut. Din il-linja nazzjonali Torka, li llum espandiet b’mod qawwi u hija fost l-ikbar linji tal-ajru fid-dinja.

Fuq titjira tat-Turkish Airlines inti ggarnatit ikla, kemm jekk fit-tul, f’liema każ jista’ jkollok żewġ ikliet u xorb b’xejn tul it-titjira kollha jew inkella f’titjira qasira.

 

 

More in Politika