'Ħadd mhu skużat jekk jattakka pulizija' - il-Maġistrat Joe Mifsud

...jagħti sentenza ta' sentejn ħabs għal persuna li aggredixxa pulizija u prova jweġġa lilu nnifsu...

Il-Maġistrat Joe Mifsud
Il-Maġistrat Joe Mifsud

Il-Maġistrat Joe Mifsud rrepeta l-għajta tiegħu għal tolleranza żero għal vjolenza fuq membri tal-Korp Tal-Pulizija u sostna li l-pulizija għandhom jingħataw il-protezzjoni waqt li jkunu qed jagħmlu xogħolhom. "U ħadd mhu skużat, għall-ebda raġuni, li jhedded jew iweġġa Pulizija." 

Mifsud kien qed jagħti s-sentenza fil-każ ta' Abdel Raouf Mohfoudi Ali Hassam, Tuneżin li kien akkużat illi attakka, insulta u hedded uffiċjali tal-pulizija waqt li kien arrestat.

L-Ispettur Priscilla Caruana Lee kienet spjegat kif meta kien maqful l-akkużat beda jħabbat rasu mal-bieb, f'liema punt ittieħed lejn l-isptar Mater Dei fejn kien ta' daqqa ta' sieq lil Pulizija. Wara li ttieħed lura fil-lock up l-akkużat kisser tieqa u beda jipprova jweġġa lilu nnifsu bil-ħġieġ. 

Il-Maġistrat Mifsud sostna li l-Pulizija qegħdin hemm biex joffru protezzjoni liċ-ċittadin u m'għandhomx jitpoġġew f'sitwazzjoni fejn jibżgħu iwettqu xogħolhom..."il-Pulizija għandhom dritt imorru lura d-dar qawwijin u sħaħ, mingħajr il-biża li jkunu belgħu xi infezzjoni," sostna l-Maġistrat. 

Il-Maġistrat sab lil Hassan ħati tal-akkużi kollha u tah sentenza ta' sentejn ħabs, flimkien ma' multa ta' €5,000. 

More in Politika