Għadu qed jiġi kkunsidrat is-servizz tas-sess għall-persuni b’diżabilità

Grupp ta’ persuni b’diżabilità għadhom qed jimbuttaw il-kunċett li jkun hawn ħaddiema tas-sess li jkollhom x’jaqsmu ma’ persuni b’diżabilità. Oliver Scicluna jgħid li s-CRPD mhux se tgħaġġel dwar din il-proposta

Lejn l-aħħar tas-sena li għaddiet qamet kontroversja sħiħa wara li kienet issemmiet il-proposta li f’Malta jkun hawn ‘ħaddiema tas-sess’, li jkunu mħarrġa apposta biex jipprovdu s-servizz tagħhom lill-persuni b’diżabilità.

Għalkemm għaddew diversi xhur u din il-proposta ma ssemmietx aktar, il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, Oliver Scicluna, qal mal-gazzetta ILLUM li ma jfissirx li din il-proposta ntesiet.

Għall-kuntrarju ta’ dak li ħasbu ħafna, Scicluna qal mal-gazzetta ILLUM li hu għad ma għandux opinjoni ċara, dwar jekk jaqbilx jew le ma’ din il-proposta, iżda insista li bħala Kummissarju, ma jistax ma jsemmax il-leħen ta’ grupp ta’ persuni b’diżabilità li huma favur din il-proposta.

Madanakollu, Oliver Scicluna, filwaqt li ma eskludix li aktar ’il quddiem din tista’ tkun proposta uffiċjali tal-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, qal li wieħed irid ikun kawt u jistudja l-affarijiet sewwa.

“Ma nistgħux inħallu l-lupu jilbes il-libsa tan-nagħġa,” saħaq Scicluna. “Mhux se ngħaġġel fuq din il-proposta għax ma rridx li nipproponu xi ħaġa li tista’ tqarreb lejn il-prostituzzjoni.”

Filwaqt li saħaq li persuni b’diżabilità li huma favur din il-proposta se jibqa’ jkollhom vuċi, insista mal-ILLUM li l-Kummissjoni ma tistax tippromovi d-dritt ta’ grupp ta’ persuni u tnaqqar mid-drittijiet umani ta’ grupp ieħor.

“Ma rridx li nneħħu l-inġustizzja minn fuq grupp u nitfgħuha fuq grupp ieħor,” saħaq Scicluna. Ma nistgħux nippermettu li biex persuna tinqeda tinħoloq xi esplojtazzjoni.”

Persuni b’diżabilità għandhom is-sesswalità tagħhom

Mistoqsi kemm hemm persuni b’diżabilità favur din il-proposta, Scicluna qal li bejn wieħed u ieħor hemm madwar 10 persuni, mhux irġiel biss. Uħud minn dawn il-persuni huma voċiferi fuq din il-proposta u ma jiddejqux jitkellmu fuqha fil-pubbliku u anke fuq il-midja.

Kompla jispjega li l-maġġoranza ta’ dawn il-persuni għandhom diżabilità fiżika severa u sfidi kbar ta’ mobilità.

Għalkemm saħaq li llum il-ġurnata hawn persuni b’diżabilità li huma miżżewġa u għandhom it-tfal, persuni oħra, fosthom anke minħabba d-diżabilità tagħhom qatt ma kellhom relazzjoni u wieħed ma jistax jinjora l-fatt li bħal kwalunkwe persuna oħra, dawn ukoll għandhom il-ġibdiet sesswali tagħhom.

F’diversi intervisti li kellu ma’ midja lokali, Oliver Scicluna kien saħansitra qal li jaf persuni b’diżabilità, li għax qatt ma kellhom l-opportunità li jesploraw is-sesswalità tagħhom, spiċċaw marru ma’ prostituti u laqtu marda sesswali, b’persuna saħansitra tilfet ħajjitha minħabba f’hekk.

Se nanalizzaw u nirriċerkaw sewwa...

Kien propju għalhekk, li għal aktar minn darba, il-Kummissarju għad-Drittijiet ta’ Persuni b’diżabilità saħaq li wieħed ma jistax jaqbad, jaqta’ linja u jgħid li ma jaqbilx.

“Jeħtieġ nanalizzaw sewwa u nirriċerkaw,” saħaq Scicluna, għalkemm fakkar li dan mhux faċli, aktar u aktar għax ftit hawn studji li jitrattaw is-sesswalità u d-diżabilità.

Mistoqsi jekk kienx hemm diskussjonijiet ma’ entitajiet dwar din il-proposta, Oliver Scicluna qal li kienet saret laqgħa mal-Assoċjazzjoni għall-Ugwaljanza, li fi kliemu ma taqbilx u għalkemm ma kienx hemm diskussjoni mal-ebda Ministeru kien hemm politiċi li tawh l-opinjoni tagħhom dwar il-proposta.

Il-proposta ssemmiet għall-ewwel darba waqt konferenza li kienet ġiet organizzata mill-Kummissjoni, f’Ottubru tas-sena li għaddiet, biex tiddiskuti d-diżabilità u s-sesswalità, suġġett li ħafna drabi lanqas biss jittieħed inkonsiderazzjoni, anke minħabba t-tabù li jeżisti dwaru.

Kien hawnhekk li Scicluna saħaq li bis-saħħa ta’ din il-proposta, qamet diskussjoni sħiħa dwar dan is-suġġett u llum hawn aktar kuxjenza dwar il-fatt li persuni b’diżabilità wkoll għandhom is-sesswalità tagħhom.

Intant, dwar dan is-suġġett, is-CRPD bħalissa qed jaħdem fil-qrib ma’ żewġ esperti fil-qasam bil-għan li anke persuni bi problemi intelletwali jgħidu tagħhom. Scicluna ma eskludiex li permezz ta’ din ir-riċerka, il-Kummissarjoni tista’ toħroġ bi proposti uffiċjali, għalkemm insista li mhux neċċessarjament se jkunu jinkludu l-proposta dwar ‘il-ħaddiema tas-sess’.

...Mhu jipproponu xejn ġdid

Il-kunċett ta’ ‘ħaddiema tas-sess’ imħarrġa apposta biex ikollhom x’jaqsmu sesswalment ma’ persuni b’diżabilità mhux kunċett ġdid u jeżisti diġà f’pajjiżi oħra fosthom l-Awstralja.

Tant hu hekk li fl-Awstralja jeżisti dak magħruf bħala l-Australian Charity Touching Base.

L-għan ta’ din l-organizzazzjoni huwa li tiffaċilità l-kuntatt bejn persuni b’diżabilità u l-industrija tas-sess, filwaqt li tqajjem ukoll kuxjenza dwar il-fatt li fl-Awstralja, persuni b’diżabilità għandhom dritt li jkollhom aċċess għal din l-industrija.

Dan apparti li tinkoraġġixxi l-qsim ta’ informazzjoni u anke programmi ta’ taħriġ għall-ħaddiema tas-sess, persuni b’diżabilità u l-persuni li jaħdmu magħhom.

F’diversi stati fl-Awstralja l-prostituzzjoni hija legali u x-xogħol kollu marbut mas-sess huma meqjus bħala impjieg legali.

More in Politika