Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

Karozza minn kull erbgħa għandha 20 sena jew aktar

Malta għandha fost l-ogħla rata ta’ karozzi tal-passiġġieri antiki fl-Unjoni Ewropea u dan meta l-vetturi hybrid jammontaw biss għal 0.5% tal-vetturi fit-toroq Maltin

Yendrick Cioffi / 11 ta' Lulju 2018 08:17
Malta hija t-tielet l-aktar pajjiż fl-Unjoni Ewropea li fit-toroq tagħha għandha jduru vetturi li għandhom 20 sena jew aktar.

Skont stħarriġ li l-Eurostat għamel fl-2016, 23% tal-vetturi tal-passiġġiera f’Malta għandhom aktar minn 20 sena.  Dan ifisser li jekk sa sentejn ilu f’Malta kien hawn 282,921 vettura tal-passiġġiera, madwar 65,000 minnhom kienu antiki mhux ħażin.

L-uniku żewġ pajjiżi li għandhom ammont akbar ta’ karozzi antiki minn Malta huma l-Polonja u l-Estonja.

Karozzi antiki jfissru wkoll karozzi li jniġġżu. Bil-għan li jtaffi minn din il-problema, fl-aħħar snin, il-Gvern kien nieda skema għal dawk kollha li jagħżlu li jiskrapjaw il-vettura tagħhom biex jixtru vettura hybrid, jiġifieri vettura li tiddependi inqas fuq il-fjuwils u aktar fuq l-elettriku.

Karozzi hybrid... Mexjin imma għadna lura ħafna

Sal-2016, Malta kienet għadha ftit lura mhux ħażin, tant li skont l-istess stħarriġ, Malta kellha fost l-inqas żidied ta’ vetturi li jaħdmu b’enerġija alternattiva meta wieħed iqabbel iċ-ċifri ta’ bejn l-2014 u l-2016.

L-istħarriġ wera kif jekk fl-2016 ħarġu fit-toroq Maltin 16,712-il karozza tal-passiġġiera, 87 biss kienu jaħdmu b’enerġija alternattiva.

Madanakollu, jidher li fl-aħħar snin il-vetturi hybrid bdew jiżdiedu, tant li skont informazzjoni li kienet ingħatat fil-Parlament mill-Ministru għat-Trasport Ian Borg, f’sena waħda biss, jiġifieri bejn l-2016 u l-2017, il-karozzi hybrid żdiedu bi kważi 400.

Iżda l-ammont għadu wieħed żgħir. Skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena, il-vetturi fit-toroq Maltin kienu jammontaw għal 375,041, li minnhom 0.5% biss jew 1,426 vettura, kienu hybrid.

Skont il-Eurostat, Malta hija wkoll it-tielet l-aktar pajjiż, wara l-Irlanda u l-Estonja li kellha vetturi ġodda jaħdmu bil-petrol. Fil-fatt 67% tal-vetturi, li ħarġu fit-toroq Maltin fl-2016, kienu jaħdmu bil-petrol.

Minkejja d-dipendenza tal-Maltin fuq il-karozzi li jaħdmu bil-petrol jew id-diesel u anke minkejja li l-pompi tal-petrol baqgħu jfaqqsu qishom flieles, il-Prim Ministru Joseph Muscat kien ħabbar konsultazzjoni wiesgħa bil-għan li Malta tasal biex telimina għalkollox il-bejgħ ta’ karozzi li jaħdmu bi fjuwil konvenzjonali.

615-il karozza għal kull 1,000 persuna

It-traffiku jibqa’ wieħed mill-akbar sfidi li għandu l-pajjiż u aktar ma tikber il-popolazzjoni aktar se tiżdied din il-pressjoni fuq it-toroq Maltin.

Skont il-Eurostat, Malta hija t-tielet l-aktar pajjiż fl-Unjoni Ewropea li għandha karozzi għal kull 1,000 persuna.

Fil-fatt, għal kull 1,000 Malti jew Maltija hawn 615-il vettura.  Qabilna hemm biss il-Lussemburgu u l-Italja.

L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika kien ippubblika stħarriġ li fih wera kif fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena, il-vetturi f’Malta kienu qed jiżdiedu b’medja ta’ 33 waħda kuljum.

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook